Lealtà lejn ir-Repubblika u mhux lejn partit politiku – L-Arċisqof lill-pulizija

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li l-pulizija ħadu “l-ġurament ta’ lealtà lejn ir-Repubblika u lejn l-ebda partit politiku”.  Huwa kompla jgħid li l-pulizija huma “qaddejja tar-Repubblika u tal-ebda poter ieħor arroganti kemm hu arroganti, vjolenti kemm hu vjolenti”.

L-Arċisqof kien qed iqaddes fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fl-okkażjoni tal-206 anniversarju mit-twaqqif tal-Korp tal-Pulizija.

“Jinvestiga bil-ħeffa”

Fil-bidu tal-omelija tiegħu l-Arċisqof innota li fil-Vanġelu tal-lum Ġesù pprova jgħaddi l-messaġġ tiegħu billi jsemmi erba’ annimali: in-nagħaġ, l-ilpup, is-sriep u l-ħamiem. Huwa żied jgħid li meta l-Korp hu u “jipprova jippreveni d-delitti u fejn hemm suspett raġonevoli jinvestigahom bil-ħeffa u mingħajr ma jħares lejn l-uċuħ”, jifhem li jkun qed jagħmilha mal-ilpup. Żied jgħid li l-pulizija jridu jkunu ppreparati u jkollhom l-għaqal tas-serp billi jirriflettu fuq is-sitwazzjoni u jadattaw.

“Il-Korp kultant jinqabad unawares, għax forsi ma jkunx ippreparat jadatta ruħu għal sitwazzjonijiet u tip ta’ attività kriminali ġdida. L-għaqal hu li tkunu preparati” għax “mhux ir-rwol tal-Korp tal-Pulizija li jorbot idejn u jistenna l-bajtra taqa’ f’ħalqu.”

Semma li s-safa tal-ħamiem li jsemmi Kristu fil-Vanġelu tfisser li l-pulizija jagħmlu kollox skont il-ġurament li ħadu, li huwa ġurament ta’ lealtà lejn ir-Repubblika.

“Intom il-garanzija tagħna ċ-ċittadini li ħadd mhu ‘l fuq mil-liġi kif jgħid il-Kodiċi tal-Etika tagħkom.”

Hawnhekk l-Arċisqof tkellem dwar il-Kodiċi ta’ Etika tal-Pulizija. Huwa wera l-pjaċir li t-tagħlim tal-etika huwa parti mit-taħriġ tal-Korp. Semma li l-aħħar verżjoni tal-Kodiċi tal-Etika li rnexxielu jsib kienet l-edizzjoni tal-2002. Huwa qal li ta’ min jerġa’ jiflih u ta’ min regolarment jagħmel l-eżami ta’ jekk il-prinċipji tant tajbin li hemm fih humiex qed jitħaddmu kollha u b’impenn.

“L-għaqal u s-safa tal-Korp jissarfu fl-implimentazzjoni ċara u bla tlaqliq tal-Kodiċi tal-Etika” qal l-Arċisqof.

Huwa kkonkluda l-omelija tiegħu billi qal li jħares lejn il-pulizija bħala garanzija tal-ordni fis-soċjetà u tar-rispett tal-liġijiet.