Evarist Bartolo jirrifjuta sfida għal taħdita dwar il-korruzzjoni

Il-Ministru Evarist Bartolo ma aċċettax l-istedina għal taħdita “dwar il-korruzzjoni” mill-kandidat Nazzjonalista Salvu Mallia.
Kelliema għall-Ministeru kkonfermat dan ma’ Newsbook.com.mt, iżda ma tatx ir-reazzjoni tal-Ministru Bartolo dwar dak li qal Mallia fil-konfront tiegħu.
Salvu Mallia għamel l-istedina fil-jiem li għaddew biex hu u l-Ministru jagħrblu jekk il-ġlieda llum hix bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista, jew inkella kontra l-qerq u l-korruzzjoni.
Il-kandidat Nazzjonalista kkwota dak li qal Dr Mark Sammut fil-ktieb tiegħu L-Aqwa fl-Ewropa. Il-Panama Papers u l-Poter, li l-qerq u l-korruzzjoni ta’ bħalissa, dal-pajjiż qatt ma ra bħalhom qabel.
Evarist Bartolo qed jaffaċċja allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni, wara li “f’Ottubru 2015 awtorizza ħlas żejjed għal xogħol fl-iskola tal-Ħandaq, li jammonta għal kważi nofs miljun ewro.”
Fil-jiem li għaddew, il-Ministru fetaħ libell fil-konfront tal-Partit Nazzjonalista u tal-ġurnal The Times li żvela l-aħbar.