​“Le għal mentalità ta’ assedju” – PM; ”Iġġieldu l-kriminalità finanzjarja” – Delia

Il-Prim Ministru Joseph Muscat saħaq li minkejja l-kritika Malta m’għandiex tadotta mentalità ta’ assedju. Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia stqarr li l-kriminalità finanzjarja trid tiġi miġġielda.
Il-Prim Ministru u l-Kap Nazzjonalista kienu qed jitkellmu waqt il-konferenza annwali tal-Istitut tas-Servizzi Finanzjarji.
Joseph Muscat saħaq li l-operaturi finanzjarji Maltin għandhom jiddiskutu ma’ kritiċi meta dawn ikunu barra mill-pajjiż.
Il-Prim Ministru tkellem dwar il-bżonn li jintwera kemm huma trasparenti s-servizzi finanzjarji f’Malta, kemm jimxu mal-liġi u r-regolarizzazzjonijiet involuti. Qal li dan ma jistax isir biss mill-Gvern.
Żied jgħid li l-proċess ta’ ristrutturar fl-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) għandu jwassal għal aktar tisħiħ fis-settur.
“Trid tiġi miġġielda l-kriminalità finanzjarja” – Delia
Waqt l-istess konferenza, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia tkellem ukoll dwar l-importanza ta’ stabilità reġjonali u li trid tiġi miġġielda l-kriminalità finanzjarja fuq il-fruntieri tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar ta’ Malta.
Qal li jekk dan ma jsirx, huwa faċli biex il-pajjiż jibda jiġi kkunsidrat bħala pajjiż li ħadd ma jkun irid jagħmel negozju miegħu.
Adrian Delia qal li huwa importantissimu li r-reputazzjoni ta’ Malta  bħala ġurisdizzjoni tas-servizzi finanzjarji tiġi salvagwardjata.
Spjega li Malta kienet imsemmija f’dawl ikrah fil-midja internazzjonali.
Fi kliem il-Kap tal-Oppożizzjoni, biex Malta tkompli tattira aktar interess u investiment fis-settur tas-servizzi finanzjarji, allura jirid ikun assigurat li l-pajjiż jakkwista l-ogħla standards internazzjonali u li r-reputazzjoni tajba tibqa’ sħiħa.
Test diffiċli ħafna – Edward Scicluna
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li s-settur finanzjarju Malti bħalissa għaddej minn test diffiċli ħafna, kemm lokalment kif ukoll internazzjonalment. Madanakollu sostna li l-investituri barranin jemmnu f'Malta, li fi kliemu se tibqa' tkun waħda mill-għażliet kompetittivi fil-Mediterran.