Lawrence Gonzi se jmexxi grupp ta’ osservaturi fil-Maldives

L-eks Prim Ministru u l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Lawrence Gonzi se jmexxi grupp ta’ osservaturi internazzjonali mill-Commonwealth waqt l-elezzjoni Presidenzjali fil-Maldives li se ssir fis-7 ta’ Settembru li ġej.

Kienet il-kummissjoni elettorali tal-Maldives li talbet lis-Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth sabiex jifforma grupp ta’ osservaturi internazzjonali għal din l-elezzjoni Presidenzjali.

Dan il-grupp magħmul minn 17-il osservatur se jasal f’Malé fil-31 ta’ Awwissu u matul l-elezzjoni se janalizzaw il-proċess elettorali u jaraw li dan ikun wieħed demokratiku.

Kif tintemm l-elezzjoni Presidenzjali, l-osservaturi se jagħmlu rapport li se jgħadduh lis-Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth.