Lawrence Gonzi mistenni jirreżenja mal-vaganzi tas-sajf

L-ex Prim Ministru Lawrence Gonzi ħabbar li se jkun qed jirreżenja minn Membru Parlamentari qabel ma l-Parlament jieqaf għall-vaganzi tas-sajf. Huwa qal li wara l-ħatra ta’ kap ġdid fi ħdan il-Partit Nazzjonalista, issa jħoss li huwa ż-żmien opportun li jwarrab mix-xena politika.

Dr Lawrence Gonzi qal li issa li jinsab trankwill u mhux qed jgħix l-istress politiku, il-kundizzjoni ta’ għajnejh baqgħet waħda stabbli mingħajr ma ddeterjorat. Qal ukoll li ladarba jwarrab għal kollox se jkun qed jiddedika iktar ħin għall-familja.

Huwa żvela wkoll li bi ħsiebu jippubblika ktieb dwar il-kontribut li tat Malta fi żmien ta’ qawmien politiku fl-Afrika ta’ Fuq partikolarment fil-kunflitt Libjan kontra r-reġim ta’ Gaddafi.