Aġġornata: Lawrence Gonzi sar jaf bl-allegazzjonijiet tax-xiri taż-żejt mill-gazzetti

L-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi sar jaf bl-allegazzjoni ta' skandlu fix-xiri taż-żejt meta dehru fil-gazzetti fil-bidu tas-sena 2013 u qatt ma kellu rapporti dwar dan. 
Dejjem kien jemmen li investigazzjonijiet ta’ reati għandhom isiru mill-Pulizija mhux mill-politiċi u għalhekk kien ħa passi mill-ewwel biex jikkomunika personalment mal-Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo biex jinvestiga l-allegazzjonijiet kollha li saru. Kien talbu jieħu l-passi meħtieġa skont dak li jirriżulta mill-investigazzjoni.
Dakinhar stess ħarġet stqarrija uffiċjali mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, PR83.
Lawrence Gonzi qal dan lill-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi fil-Parlament li qed jinvestiga l-iskandlu b'rabta max-xiri taż-żejt. 

Hu u jaqra dikjarazzjoni bil-miktub, Lawrence Gonzi saħaq li hu kien qed jillimita ruħu għall-fatti kif kien jafhom. 
Ċaħad li kien hemm xi membru tas-sigurtà tiegħu li kien għadda xi files. Saħaq li hu ried li jsiru l-investigazzjonijiet u jittieħdu passi bil-liġi kontra min kien ħati, kien min kien.
Qal ukoll li l-għada li ħarġet intervista li fiha Lawrence Gonzi kien qal li kien lest li jagħti maħfra lil min jikxef, John Rizzo kien talab laqgħa miegħu u kien qallu li kien hemm persuna li seta’ kellu iktar informazzjoni imma li kien qed joqgħod lura milli jagħtiha lill-Pulizija.
Qal ukoll li kien l-Avukat Ġenerali kien ta l-parir li tinħareġ il-proklama. Magħha kien hemm marbut li mhux biss il-persuna tgħid il-verità imma tirrifondi flus maqlugħa b’rabta mal-ftehim illeċitu. Fil-fatt, Farrugia kellu jirrifondi €250,000 fi żmien ħamest ijiem mill-ħruġ tal-proklama.
Spjega wkoll li kien sejjaħ laqgħa tal-Kabinett fil-bidu ta’ Frar wara konsultazzjoni mal-Avukat Ġenerali. Ikkwota dak li tgħid il-liġi, li proklama tingħata mill-President wara rakkomandazzjoni tal-Kabinett, u wara skambju ta' imejl mal-Kummissarju tal-Pulizija li kien qallu li ssa dak il-ħin ma kien hemm ebda ħjiel li fl-iskandlu setgħu kienu involuti membri tal-Kabinett.
Mistoqsi mill-Ministru Owen Bonnici jekk kienx jaf lil mart George Farrugia, Lawrence Gonzi qal li kien jafha bħala impjegata fost 1,100 persuna li kienu jaħdmu ma’ grupp li fih kien jaħdem hu iżda ma kienx jaf ma’ min kienet miżżewġa, min kienet il-familja tagħha u ebda dettalji oħra.
Mistoqsi dwar jekk kienx jaf lil George Farrugia fil-kuntest tal-Partit Nazzjonalista, qal li hu qatt ma daħal f’diskussjonijiet kummerċjali għaliex dawn kienu affarijiet li kienu jieħdu ħsiebhom impjegati. Ċaħad ukoll li hu ltaqa' ma' George Farrugia b'rabta ma' xogħol.
 
Iktar kmieni:
Il-proklama lil Farrugia ma ħarġet xejn ta’ barra minn hawn – Is-Supretendent
Wara li George Farrugia ngħatatu l-proklama biex jikxef informazzjoni b’rabta mal-allegat skandlu tax-xiri taż-żejt, ma ħarġux fatti dwar il-perjodu ta’ wara l-2005, kif kien xtaq l-Assistent Kummissarju ta’ dak iż-żmien Michael Cassar.
Kien ħareġ biss id-dettall li kien hemm xi nies li aċċettaw xi rigali u fil-fatt kienu nkixfu persuni li mbagħad kienu tressqu l-Qorti.
Is-Supretendent Paul Vassallo, li kien membru tat-tim investigattiv b’rabta mal-iskandlu tax-xiri taż-żejt, qal dan lill-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi tal-Parlament.
Ta x’jifhem li wara li ngħata l-maħfra, George Farrugia ta informazzjoni lill-Pulizija imma ma ħareġ xejn kbir minkejja li kien jidher li kellu informazzjoni oħra, kien nervuż u beżgħan. Qal li madankollu kien qed juża d-dritt tiegħu li ma jweġibx għal kollox.
Fakkar madankollu li jekk Farrugia ma jgħidx il-verità, kien se jitlef il-maħfra li ngħatatlu. Qal ukoll li kien riskju tal-Pulizija li toħroġ kemm tista’ informazzjoni mingħandu. Allega wkoll li Farrugia seta’ ta iktar informazzjoni iżda spjega li l-informazzjoni li għadda lill-Pulizija kienet kollha verità.
Enfasizza kemm-il darba li l-investigazzjonijiet tmexxew mill-Ispettur Angelo Gafà li kien kapaċi biżżejjed biex imexxi l-każ.