L-għada tal-arrest ta’ Theuma, kelli laqgħa ta’ sagħtejn miegħu – Cutajar

Ritratt: Miguela Xuereb

L-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar illum xehed fil-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra Yorgen Fenech, sid il-kumpanija 17 Black li jinsab akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Xi spikka mix-xhieda tal-lum?

  • Lawrence Cutajar jixhed li min jgħid li xi ħadd irċieva flus bi skambju għall-maħfra presidenzjali “qed jibblaffja jew jigdeb”.
  • L-għada li ġie arrestat Theuma, Cutajar kellu laqgħa miegħu li damet sagħtejn.
  • Diżgwid fuq Rikording Numru 9: Id-difiża tgħid li ilu xhur għand il-Pulizija. Il-Prosekuzzjoni tgħid li għadha trid tinvestiga u għalhekk talbet li jinstema’ fil-magħluq.

17:25 Dak kollox għal-lum. Grazzi talli segwejtu l-blogg ta' Newsbook.com.mt. Dalwaqt intellgħu l-punti ewlenin ta' din is-seduta. Il-lejla t-tajba!
Charmaine Attard
17:22 Il-Maġistrat ordnat lill-ġurnalisti biex joħorġu mill-awla. Is-seduta se tkompli bil-magħluq.
Charmaine Attard
17:18 Jason Azzopardi jgħid li hu mhu se jieħu l-ebda responsabbilità jekk xi smigħ pubbliku ta' recording iwassal għal tixrid ta' demm. Id-difiża tipprotesta u tgħid li Azzopardi "qed iwaħħal fina".
Charmaine Attard
17:16 Id-difiża tfakkar lill-Qorti li l-Pulizija ma ressqu lil ħadd iktar sadanittant. L-Ispettur Arnaud jwieġeb li huma semgħu fuq 100 recording u li tkellmu ma' diversi nies. Il-Maġistrat tieħu nota tal-argumenti minn naħa tad-difiża. Dr Mercieca jenfasizza li l-Prosekuzzjoni naqset milli telenka b'liema parti tar-recording għandha problema.
Charmaine Attard
17:10 Dr Mercieca f'isem id-difiża qal li m'hemmx ismijiet ġodda li għadhom ma ssemmewx – ħlief wieħed. Jgħid li huwa inkredibbli kif maħfra presidenzjali ngħatat lil Melvin Theuma li ssottometta dawn ir-recordings xhur ilu, u l-Pulizija għadha se tibda tinvestiga wħud minnhom issa. Mercieca jgħid li Yorgen Fenech ħaqqu smigħ ġust.
Charmaine Attard
17:07 Id-difiża tirrimarka li l-Pulizija kellha dawn ir-recordings għal 9 xhur. Il-Maġistrat Montebello qalet li fid-dawl tal-investigazzjonijiet li għaddejjin u li qed jissemmew terzi persuni u ċirkustanzi li jduru magħhom, ir-recording għandu jinstema' fil-magħluq.
Charmaine Attard
17:05 Keith Arnaud jgħid li hemm isem li għadu ma ssemmiex. Irid li r-recording li jmiss jinstema' bil-magħluq. Żied jgħid li l-Pulizija għadha ma investigatx il-kontenut tar-recording.
Charmaine Attard
17:03 Il-Maġistrat tidħol fl-awla.
Charmaine Attard
17:03 Mercieca u l-Prosekuzzjoni jgħidu kelma bejniethom. L-Ispettur jgħid "fl-aħħar mill-aħħar jien irrid il-verità".
Charmaine Attard
17:02 Il-ġurnalisti jitħallew fl-awla hekk kif il-Prosekuzzjoni qed tagħti daqqa t'għajn lejn it-traskrizzjonijiet li għadditilha d-difiża.
Charmaine Attard
16:57 Il-Maġistrat tissospendi s-seduta għal 5 minuti, sakemm id-difiża u l-prosekuzzjoni jaqblu dwar liema rikording se jissemma'.
Charmaine Attard
16:56 Il-Qorti lesta li tisma' r-Rikording numru 9.
Charmaine Attard
16:54 Il-Qorti hi lesta li tisma' r-rikording sakemm ma jinterferixxix mal-investigazzjonijiet li għaddejjin.
Charmaine Attard
16:54 Dr Mercieca jgħid li ddiskuta xi tapes mal-Ispettur Arnaud – wieħed minnhom 'fih xi ismijiet'.
Charmaine Attard
16:51 Yorgen Fenech u l-Maġistrat Montebello jidħlu fl-awla.
Charmaine Attard
16:37 Grazzi Sephora. Seduta twila llum! Il-ġurnalisti jerġgħu jiddaħħlu fl-awla.
Charmaine Attard
15:40 Id-Difiża ta' Fenech kienet qalet li r-rikording huwa twil madwar 27 minuta.
Sephora Francalanza
15:40 Il-ġurnalisti għadhom qegħdin jistennew, filwaqt li l-Qorti qed tisma' r-rikordings.
Sephora Francalanza
14:56 Qed idum aktar milli kien mistenni biex jissemma' r-rikording fl-awla bil-bibien magħluqa.
Sephora Francalanza
14:40 Ix-xhud Lawrence Cutajar qed jistenna barra l-awla wkoll.
Sephora Francalanza
14:35 Ir-rikording li qed jissemma' fil-qorti hu twil madwar 27 minuta.
Sephora Francalanza
14:30 Il-ġurnalisti għadhom jistennew barra l-awla.
Sephora Francalanza
14:14 Għalhekk, il-midja u l-pubbliku ntalbu joħorġu mill-awla.
Sephora Francalanza
14:12 Iż-żewġ naħat qablu li r-rikording jinstema' fil-magħluq, mingħajr il-preżenza tal-midja u tal-pubbliku.
Sephora Francalanza
14:11 Is-seduta se tkompli issa.
Sephora Francalanza
13:56 Il-Maġistrat issospendiet l-awla għal ftit minuti sakemm l-avukati jaqblu fuq liem tapes se jissemmgħu.
Sephora Francalanza
13:46 Il-Qorti issa trid tiddeċiedi jekk ir-rikordings humiex se jinstemgħu llum.
Sephora Francalanza
13:45 Ix-xhieda ta' Cutajar hi sospiża għal ftit minuti. Hu ngħata l-parir li ma jikkonsultax mal-midja hu u jistenna barra l-awla.
Sephora Francalanza
13:45 L-avukat jistaqsi jekk fil-qorti jistax jinstema' tape 2 vuċi 2.
Sephora Francalanza
13:45 Il-Maġistrat twissi lix-xhud biex jindirizza lill-Qorti u mhux lill-avukat, u biex ma jgħaddix kummenti.
Sephora Francalanza
13:44 "Qatt irċivejt flus mingħand Brincat?" jistaqsi l-avukat.
Sephora Francalanza
13:44 Mercieca jerġa' jistaqsi fuq il-konnessjoni ta' Cutajar mal-Ġojja.
Sephora Francalanza
13:38 Cutajar jgħid li min jgħid li xi ħadd irċieva flus bi skambju għall-maħfra presidenzjali "qed jibblaffja jew jigdeb."
Sephora Francalanza
13:37 Il-Maġistrat tgħid li d-Difiża għandha timxi għall-mistoqsija li jmiss.
Sephora Francalanza
13:37 Mercieca jitolbu jagħti s-sitt kundizzjonijiet tal-maħfra.
Sephora Francalanza
13:36 Dr Mercieca jirreferi għall-kundizzjonijiet tal-maħfra presidenzjali.
Sephora Francalanza
13:35 Cutajar ikompli jgħid li Brincat kien jaf li Cutajar qed jiġri warajh għal informazzjoni fuq Theuma.
Sephora Francalanza
13:35 Bagħat lil Brincat, "Niltaqgħu?"
Sephora Francalanza
13:34 Iżid jgħid li l-irwol tiegħu fl-investigazzjoni kien wieħed minimu.
Sephora Francalanza
13:33 L-eks Kummissarju jgħid li Theuma ma kellu l-ebda intenzjoni li jeqred ir-rikordings.
Sephora Francalanza
13:32 Cutajar jgħid li staqsa lil Brincat jekk kellux it-tapes ta' Theuma. Dan kien f'Novembru s-sena li għaddiet.
Sephora Francalanza
13:23 Skont Cutajar, il-Pulizija kellha żewġ għażliet fil-konfront ta' maħfra presidenzjali għal Melvin Theuma.

1. Li ma tagħtihx il-maħfra u tibqa' tinvestigah f'każ li ma kienx hemm informazzjoni pertinenti fuq il-qtil.

2. Li tagħtih il-maħfra u mbagħad il-Pulizija ma tkunx tista' takkużah b'ħasil tal-flus.
Sephora Francalanza
13:18 Mistoqsi jekk kienx jaf li Theuma huwa ħabib ta' Brincat, Cutajar jgħid li ġieli rahom flimkien.
Sephora Francalanza
13:16 "Lil Brincat ilni nafu mid-90ijiet," jgħid Cutajar.
Sephora Francalanza
13:15 Ix-xhud issa huwa mistoqsi fuq il-konnessjoni tiegħu ma' Edwin Brincat.
Sephora Francalanza
13:14 Mistoqsi jekk qatt iltaqax ma' Edwin Brincat il-Ġojja, Cutajar qal li dan żaru f'Mejju b'ċitazzjoni.
Sephora Francalanza
13:12 Cutajar jgħid li Theuma talab għal Simon Busuttil, Jason Azzopardi, Beppe Fenech Adami u Karol Aquilina "għax qal li jrid avukat Nazzjonalist."
Sephora Francalanza
13:11 Cutajar jispjega li t-Taqsima ta' Kontra l-Frodi arrestat lil Theuma, u li hu talab għall-għajnuna tal-avukati tiegħu mill-ewwel.
Sephora Francalanza
13:09 Dr Mercieca issa qed jistaqsi min arresta lil Theuma.
Sephora Francalanza
13:09 Ix-xhud jgħid li dan mhux possibbli għax kienu għadhom ma semgħux ir-rikordings.
Sephora Francalanza
13:09 L-avukat jinsisti li l-maħfra ngħatat wara laqgħa ta' sagħtejn bejn l-eks Kummissarju u Theuma fil-15 ta' Novembru.
Sephora Francalanza
13:07 L-eks Kummissarju jikkjarifika li l-maħfra presidenzjali ngħatat lil Melvin Theuma wara li saru investigazzjonijiet wara li r-rikordings li għadda lill-Pulizija nstemgħu mit-tim investigattiv. Sar ukoll rapport li ġie ppreżentat lill-Kummissarju.

Kien wara dan kollu li hu ħa din id-deċiżjoni.
Sephora Francalanza
13:05 Dr Mercieca jistaqsi, "Allura Theuma ngħata maħfra presidenzjali f'sagħtejn?"

Il-Maġistrat tgħid li x-xhud mhux hekk qed jgħid.
Sephora Francalanza
13:03 Jgħid li l-laqgħa tiegħu ma' Melvin Theuma fil-15 ta' Novembru damet madwar sagħtejn.
Sephora Francalanza
13:01 L-eks Kummissarju jgħid li hu qatt ma ngħata r-rikordings.
Sephora Francalanza
13:00 Barra mill-Avukat Ġenerali, u ż-żewġ spetturi, Keith Arnaud u Kurt Zahra, kien hemm ukoll l-Ispettur Ian Abdilla preżenti, jgħid Cutajar.
Sephora Francalanza
12:59 L-avukat jistaqsi lil Cutajar biex jaqra parti mid-dokument tal-maħfra presidenzjali.
Sephora Francalanza
12:57 Ix-xhud jidher li mhux jifhem il-mistoqsijiet. Hemm ċans li l-mod kif qed jitqiegħdu l-mistoqsijiet qiegħed igerfex lix-xhud.
Sephora Francalanza
12:54 Cutajar jgħid li ma kienx involut fir-rapport li sar fuq il-maħfra presidenzjali ta' Melvin Theuma.
Sephora Francalanza
12:53 L-eks Kummissarju kkonferma li waqt il-laqgħat f'Kastilja fuq l-investigazzjonijiet, kien ikun hemm l-eks Prim Ministru Joseph Muscat u ċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri.
Sephora Francalanza
12:49 Il-Maġistrat twissi lix-xhud biex jisma' l-mistoqsijiet qabel ma jibda jwieġeb.
Sephora Francalanza
12:48 Cutajar ikompli jgħid li Theuma staqsa lill-pulizija għal żewġ kundizzjonijiet: biex ma tiġix implikata familtu u biex ma jużawx ċerti dettalji li jagħtihom off the record kontrih.
Sephora Francalanza
12:46 Lawrence Cutajar jgħid li Theuma ma kienx qed jafda lill-Pulizija.
Sephora Francalanza
12:46 Il-Qorti tordna lill-avukat ta' Cutajar biex jieqaf jgħaddi kummenti u pariri lill-klijent tiegħu.
Sephora Francalanza
12:44 Qabel il-15 ta' Novembru tal-2019, kien hemm laqgħat mal-OPM fuq maħfriet presidenzjali għal każijiet oħrajn, jispjega l-eks Kummissarju. Madankollu, id-diskussjonijiet fuq il-maħfra għal Theuma (mhux mal-OPM) bdew wara li kellhom ir-rikordings.
Sephora Francalanza
12:40 Cutajar jgħid li kien hemm diversi laqgħat.
Sephora Francalanza
12:38 Mistoqsi ma' min ikkonsulta biex Theuma ngħata maħfra presidenzjali, Cutajar jgħid li tkellem mat-tim konċernat, u semma lill-Avukat Ġenerali Peter Grech.
Sephora Francalanza
12:37 L-avukat jispjega li dil-mistoqsija twassal għal mistoqsijiet oħrajn.
Sephora Francalanza
12:37 "Din x'mistoqsija hi?" tistaqsi l-Maġistrat.
Sephora Francalanza
12:37 L-Avukat Mercieca jistaqsi lill-eks Kummissarju jekk isegwix l-aħbarijiet.
Sephora Francalanza
12:36 L-eks Kummissarju qal li l-Qorti kienet ordnatu ma jitkellimx ma' Arnaud u Theuma fuq il-każ.
Sephora Francalanza
12:35 Hu kellem lil Theuma jum wara li ġie arrestat.
Sephora Francalanza
12:32 Cutajar mhux ċert meta Theuma ġie arrestat imma jaħseb li kien fl-14 ta' Novembru tas-sena l-oħra.
Sephora Francalanza
12:31 Il-Maġistrat tgħid lid-Difiża biex tipproċedi bil-mistoqsijiet.
Sephora Francalanza
12:30 L-avukat ta' Cutajar jistaqsi biex il-klijent tiegħu jixhed fil-magħluq.
Sephora Francalanza
12:27 L-Avukat Charles Mercieca jibda jistaqsi lix-xhud dwar il-maħfra presidenzjali li ngħatat lil Melvin Theuma.
Sephora Francalanza
12:25 Cutajar jidħol fl-awla.
Sephora Francalanza
12:24 Il-Qorti tordna li r-rikordings jissemmgħu kollha.
Sephora Francalanza
12:22 L-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar jintalab jitla' fuq il-pedana tax-xhieda.
Sephora Francalanza
12:22 Il-Maġistrat tgħid li hu importanti li x-xhud ma jiġix mistoqsi fuq rikordings li l-Qorti għadha ma semgħetx.
Sephora Francalanza
12:21 Id-Difiża tissuġġerixxi li jistaqsu l-mistoqsijiet u r-rikordings jinstemgħu wara.
Sephora Francalanza
12:18 Il-Qorti tapprova li jinstemgħu r-rikordings.
Sephora Francalanza
12:12 Il-Maġistrat Montebello tordna li llum jinstemgħu r-rikordings relevanti għax-xhieda ta' Lawrence Cutajar.
Sephora Francalanza
12:12 Id-Difiża tgħid li ma ssibx oġġezzjoni li r-rikordings jinstemgħu kollha llum.
Sephora Francalanza
12:11 Tistaqsi wkoll kemm-il rikording se jinstema' llum.
Sephora Francalanza
12:08 Il-Maġistrat Montebello tistaqsi lid-Difiża jekk tridx tibqa' għaddejja bil-kontro-eżami tal-Ispettur Arnaud.
Sephora Francalanza
12:05 Arnaud jgħid li t-talba tad-Difiża ma tagħmilx sens, peress li jekk tingħata din l-informazzjoni issa, dan ma jfissirx li Fenech mhux se jkollu smigħ ġust.
Sephora Francalanza
12:04 L-avukat ikompli jargumenta li l-informazzjoni meħuda mill-mowbajl ta' Fenech tista' tgħin lid-Difiża tiegħu.
Sephora Francalanza
12:03 L-Avukat Mercieca jistaqsi għaliex Arnaud qed joġġezzjona għal din it-talba.
Sephora Francalanza
11:58 Il-Prosekuzzjoni u l-parte civile jargumentaw li jekk it-tim legali jingħata din l-informazzjoni, dan jista' jippreġudika investigazzjonijiet oħrajn li għadhom għaddejjin.
Sephora Francalanza
11:53 L-Avukat Jason Azzopardi, li qed jidher għall-familja Caruana Galizia, ukoll qed joġġezzjona għal din it-talba.
Sephora Francalanza
11:52 Il-Prosekuzzjoni toġġezzjona.
Sephora Francalanza
11:51 L-avukati ta' Fenech jargumentaw li bħalma ngħataw kopja tar-rikordings, jistennew li jingħataw kopja tal-informazzjoni li ttieħdet mill-mowbajl tal-klijent tagħhom.
Sephora Francalanza
11:49 Id-Difiża tagħmel talba biex tingħata kopja tal-materjal li ttieħed minn fuq il-mowbajl ta' Yorgen Fenech.
Sephora Francalanza
11:48 Ix-xhieda tal-Ispettur Keith Arnaud tintemm hawn.
Sephora Francalanza
11:47 Meta l-Avukat Mercieca staqsa min qed jinvestiga dan it-tagħrif miksub mill-mowbajl ta' Fenech, il-Maġistrat qalet lil Arnaud biex ma jwiġibx il-mistoqsija.
Sephora Francalanza
11:46 Mistoqsi jekk għandux l-intenzjoni li jgħaddi l-materjal lit-tim ta' Fenech, Arnaud qal li skont ma tordna l-Qorti.
Sephora Francalanza
11:46 Arnaud jgħid li hija kwistjoni ta' ħin ta' meta tista' tiġi provduta l-informazzjoni. Jiddependi wkoll x'informazzjoni tintalab.
Sephora Francalanza
11:44 L-Ispettur Arnaud ikkonferma li l-Pulizija ma provdietx lit-tim legali ta' Fenech u lil Fenech innifsu bil-materjal li ttieħed minn fuq il-mowbajl tiegħu.
Sephora Francalanza
11:44 Arnaud iwieġeb, "Dażgur li le."
Sephora Francalanza
11:43 Il-Maġistrat Montebello ma tidhirx li ħadet gost bil-mistoqsija ta' Dr Mercieca.
Sephora Francalanza
11:43 L-Avukat Mercieca jistaqsi jekk Arnaud huwiex parti mill-inkjesta maġisterjali.
Sephora Francalanza
11:41 Il-Maġistrat Montebello tgħid lill-Avukat Mercieca li qed jirrepeti l-istess mistoqsijiet.
Sephora Francalanza
11:40 Madwar 12-il persuna huma parti mit-task force, u tnejn minnhom biss qed jinvestigaw il-mowbajl ta' Yorgen Fenech.
Sephora Francalanza
11:38 L-Ispettur jikkonferma li l-Pulizija għandha l-informazzjoni li ttieħdet mill-mowbajl ta' Yorgen Fenech mill-Europol fuq hard-drive.
Sephora Francalanza
11:37 Arnaud jgħid li m'għandux l-informazzjoni peress li lbieraħ filgħaxija, hu u jaħdem, irċieva t-telefonata dwar x'kien ġara fir-residenza ta' Melvin Theuma.
Sephora Francalanza
11:35 Mercieca jistaqsi lil Arnaud kemm hemm membri tat-task force li qegħdin jinvestigaw.
Sephora Francalanza
11:33 L-Ispettur jispjega li qed jieħdu xi informazzjoni mill-mowbajl ta' Yorgen Fenech.
Sephora Francalanza
11:32 Arnaud jgħid li m'għandux kuntatt mal-esperti tal-qorti tal-Europol.
Sephora Francalanza
11:30 Żied jgħid li ttieħdu r-ritratti tal-mowbajl u issa jinstab għand il-Europol.
Sephora Francalanza
11:29 L-Ispettur Arnaud jgħid li l-mowbajl ittieħed mill-Europol għal aktar investigazzjonijiet meta Theuma ġie arrestat.
Sephora Francalanza
11:28 L-Avukat Charles Mercieca jistaqsi fejn hu l-mowbajl ta' Melvin Theuma.
Sephora Francalanza
11:25 L-Ispettur Keith Arnaud jitla' jixhed. Huwa se jsirlu kontro-eżami mid-Difiża ta' Yorgen Fenech.
Sephora Francalanza
11:25 Il-Qorti tordna lis-Sur Cardona jipprovdiha b'file partikolari tar-rikordings.
Sephora Francalanza
11:23 Nilqgħukom lura f'dan il-blogg live. Minn hawn u ftit ieħor mistenni jixhed l-eks Kummissarju tal-Pulizija.
Sephora Francalanza
11:23 Is-seduta tkompli, il-Maġistrat Montebello lura fl-awla.
Sephora Francalanza
10:53 Illum mistenni jixhed l-Eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar. Fl-aħħar seduta, fix-xhieda tiegħu, Melvin Theuma ċaħad li l-eks Kummissarju tħallas €30,000 għall-maħfra tiegħu.
Charmaine Attard
10:50 Il-Maġistrat Montebello ssospendiet is-seduta għal ftit minuti, sakemm il-Qorti tara jekk hux possibbli li r-rikordings jinstemgħu llum.
Charmaine Attard
10:49 L-Ispettur Keith Arnaud jidħol fl-awla.
Charmaine Attard
10:49 Dr Mercieca talab lill-Qorti biex ir-rikordings jinstemgħu llum.
Charmaine Attard
10:48 Yorgen Fenech jidher jidħak ma' membri tal-familja tiegħu.
Charmaine Attard
10:47 Il-Maġistrat spjegat li qed turta ruħha u wissiet lid-difiża biex tikkontrolla x'tgħid.
Charmaine Attard
10:46 Id-difiża ssuġġeriet jekk l-Avukat Ġenerali tax struzzjonijiet ta' 'go slow' fuq din il-kwistjoni wkoll. L-avukati mill-Uffiċċju tal-AĠ qalu li din l-istqarrija mhix aċċettabbli.
Charmaine Attard
10:44 Dr Jason Azzopardi ssuġġerixxa li r-rikordings kollha u mhux parti minnhom għandhom jinstemgħu.
Charmaine Attard
10:44 L-avukat Mercieca qal li fir-rikordings saret referenza għall-Eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar u għaldaqstant huwa importanti li r-rikordings jinstemgħu llum.
Charmaine Attard
10:40 Id-difiża trid li r-rikordings jissemmgħu fil-Qorti
Charmaine Attard
10:36 L-avukati ta' Fenech staqsew lil Cardona kemm-il darba kkomunika mal-Ispettur Arnaud. Cadona qal li kien Arnaud li talbu jara l-files biex jaċċerta li kienu kkuppjati l-files it-tajbin.
Charmaine Attard
10:33 Dr Mercieca staqsa lix-xhud jekk hemmx xi files ta' kitba fil-hard drive u jekk dawn jistgħux jiġu editjati. Dr Camilleri mid-difiża staqsiet lil Cardona jekk aċċessax il-files meta kien qed jikkuppjahom. Hu qal li hu ma aċċessahomx u li kkupjahom biss. Ikkonferma wkoll li hu ma kellu l-ebda komunikazzjoni mal-Europol.
Charmaine Attard
10:32 Spjega li ċertu files jiġu aċċessati b'mod differenti minn ċertu rekordings li diġà ġew esebiti fil-Qorti. L-Ispettur Zahra talab lix-xhud jiddikjara l-pożizzjoni tiegħu, f'każ li jiġi akkużat li ħassar xi files mill-hard drive. Il-Maġistrat Montebello qalet li din il-mistoqsija mhix aċċettabbli. Dr Mercieca qed jistaqsi lix-xhud. Cardona qed jipprovdi lill-Qorti bid-dettalji tekniċi dwar kif jistgħu jiġu aċċessati l-files.
Charmaine Attard
10:24 Il-Maġistrat Montebello staqsiet lil Cardona liema files jistgħu jiġu aċċessati b'mod normali u liema għandhom bżonn software partikolari.
Charmaine Attard
10:22 Is-Sur Cardona qal li ċertu kmamar tal-aħbarijiet rrappurtaw li kien hemm files neqsin u li dan mhux minnu. Spjega l-proċess ta' kif wieħed jista' jaċċessa l-files fuq il-hard drive. Stqarr li b'software wieħed mhux possibbli li tiftaħ il-files kollha.
Charmaine Attard
10:17 Jitla' fuq il-pedana tax-xhieda s-Sur Cardona, li tqabbad mill-Qorti biex jagħmel kopja tad-data ppreżentata fil-Qorti. Ippreżenta d-data fuq hard-drive. Intalab jagħmel kopja ta' ċertu files fuq hard-drive.
Charmaine Attard
10:16 L-Ispettur Kurt Zahra jitla' fuq il-pedana tax-xhieda. Zahra jippreżenta l-maħfra presidenzjali li ngħata Melvin Theuma. Informazzjoni dwar każi kriminali oħra mhux se tingħata.
Charmaine Attard
10:11 Ir-rappreżentanta legali ta' Theuma, Kathleen Grima indirizzat lill-Qorti hekk kif isem il-klijent tagħha ssemma mid-difiża. Il-Qorti qalet lil Grima li f'dan l-istadju m'għandhiex dritt titkellem f'isem il-klijent tagħha, hekk kif ix-xhieda ta' Theuma se tiġi trattata bħal kull xhieda oħra. Il-Maġistrat qalet li x-xhieda tieghu m'għandha l-ebda privileġġi minħabba li ngħata l-maħfra presidenzjali.
Charmaine Attard
10:08 Infakkrukom li l-avukati Jason Azzopardi, Therese Comodini Cachia u Peter Caruana Galizia qed jassistu l-familja ta' Daphne Caruana Galizia.

L-avukati Marion Camilleri, Gianluca Caruana Curran u Charles Mercieca qed jidhru f'isem Fenech.
Charmaine Attard
10:06 L-Avukat Jason Azzopardi qal li hija gidba li wieħed jgħid li ċertu files intilfu jew inżammew mistura. Stqarr li t-tim tad-difiża ta' Fenech kellhom aċċess għal dawn il-files u kellhom l-opportunità li jistaqsu mistoqsijiet dwarhom.
Charmaine Attard
10:05 It-tim tad-difiża nnota kif Theuma llum kellu jixhed fuq rikordings li "ntilfu" jew "ma setgħux jinstabu" mill-Pulizija. Allega wkoll li dawn ir-rikordings kienu qed jinżammu mistura mill-Pulizija. L-Ispettur Kurt Zahra qal li dan mhux minnu.
Charmaine Attard
10:03 Il-Prosekuzzjoni, illum immexxija mill-Ispettur Kurt Zahra, informa lill-Qorti li Melvin Theuma ddaħħal l-isptar u għaldaqstant ma jistax jixhed. L-Ispettur Zahra qal li Theuma jinsab f'qagħda kritika.

Madanakollu waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Pulizija ntqal li l-qagħda tiegħu issa hija waħda stabbli: https://newsbook.com.mt/il-kummissarju-tal-pulizija-bkonferenza-dwar-melvin-theuma/
Charmaine Attard
09:57 Id-difiża ta' Yorgen Fenech qed titlob lill-Qorti biex jiġi ppreżentat fil-Qorti l-mowbajl ta' Theuma. Sejħu wkoll għal investigazzjoni dwar dak li ġara lbieraħ filgħaxija.

It-Tlieta filgħaxija Melvin Theuma ddaħħal l-isptar wara li nstab ferut fid-dar tiegħu fis-Swieqi. Il-Pulizija qalet li l-ewwel indikazzjonijiet juru li weġġa' lilu nnifsu.
Charmaine Attard
09:52 Illum għandha tiġi esebita fil-Qorti l-proklama ta' Melvin Theuma – il-maħfra presidenzjali li ngħatat lil Theuma biex jagħti l-informazzjoni kollha li jaf b'rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Charmaine Attard
09:51 L-għodwa t-tajba. Ninsabu f'Awla 19. Yorgen Fenech jinsab mat-tim legali tiegħu. Is-seduta kellha tibda fid-9.30am. Il-Maġistrat Rachel Montebello għadha kif daħlet fl-awla.
Charmaine Attard

Illum kien skedat li jkompli jixhed ukoll Melvin Theuma, meqjus is-sensar fl-assassinju, li lbieraħ filgħaxija ttieħed l-isptar fejn qed isofri minn ġrieħi serji. Skont stqarrija tal-Pulizija, l-ewwel indikazzjonijiet juru li Theuma weġġa’ lilu nnifsu. Madanakollu wħud qed jesprimu dubji dwar dan.

Il-maħfra presidenzjali li ngħata Theuma biex jikxef l-informazzjoni kollha li kellu dwar il-każ, kienet mistennija tiġi preżentata fil-Qorti fis-seduta tal-lum. Theuma kien mistenni jixhed dwar rikording, li skont l-avukati ta’ Fenech, is-sensar fl-assassinju kien għadu ma xehedx dwaru.

Xi spikka fl-aħħar seduta?

  • L-Ispettur Keith Arnaud jgħid li l-AĠ qallu biex ma jissottomettix id-dokument tal-maħfra ta’ Melvin fil-Qorti
  • “Ma kienx hemm x’tagħmel iktar” – Arnaud fuq il-laqgħa bejn l-eks Kummissarju u l-Ġojja
  • Il-mowbajl ta’ Keith Schembri: Avukat: “Staqsejtu kemm għandu mowbajls?” Arnaud: “Ma niftakarx eżatt”
  • “Lil Johann Cremona ħadtuhulu l-mowbajl?” “Le.” “Tilfu wkoll?” “Le”
  • L-Ispettur Arnaud jgħid li ma kellux laqgħat mal-PM fuq każi oħra ta’ qtil
  • Melvin Theuma jiċħad li l-eks Kummissarju tal-Pulizija rċieva €30,000 biex jagħtih il-maħfra presidenzjali
  • L-avukati ta’ Yorgen għandhom rikording ta’ Melvin Theuma fejn allegatament jikkontradixxi dak li qal fil-Qorti