Last Christmas fl-aħħar titla’ fil-quċċata tal-klassifika Ingliża

Andrew Ridgeley u George Michael: Wham! Ritratt: Sony Music

George Michael kien kiteb u pproduċa l-kanzunetta Last Christmas fl-1984 u kienet tkun fl-ewwel post tal-klassifika Ingliża kienu ma kienx hemm is-single Do They Know it’s Christmas? tal-Band Aid. Iżda issa, erba’ snin wara l-mewt ta George Michael, il-kanzuntta telgħet fl-ewwel post wara li fl-aħħar ġimgħa kienet streamed aktar minn 9.2 miljun darba.

Last Christmas issa saret l-aktar diska li damet biex telgħet fil-quċċata tal-klassifika meta għelbet lil (Is this the Way to) Amarillo ta’ Tony Christie mill-2005 li damet 33 sena u erba’ xhur biex għamlet dan.

Il-kanzunetta tal-Wham!, duo magħmel minn George Michael u Andre Ridgeley, kienet damet ħames ġimgħat fit-tieni post waqt li telgħet fl-ewwel post fid-Danimarka, fis-Slovenja u fl-Iżvezja. Fl-Irlanda, fil-Ġermanja u fl-Italja u f’ħames pajjiżi oħra waslet sat-tieni post. Sentejn ilu Last Christmas kienet waslet ukoll fit-tieni post fl-Ingilterra.

Last Christmas hi t-tieni kanzunetta tal-istaġun tal-Milied li f’dawn l-aħħar ġimgħat reġgħet kisbet popolarità. Id-diska l-oħra hi All I Want for Christmas is You ta’ Mariah Carey li x-xahar li għadda telgħet fl-ewwel post 26 sena wara li kienet ħarġet.