Lara Comi arrestata fl-Italja

Read in English.

L-eks Membru Parlamentari Ewropew Taljana Lara Comi tinsab arrestata fid-dar tagħha ftit ‘il barra minn Milan. Dan b’rabta ma’ każ li fih qed tiġi akkużata b’tixħim u użu ħażin tal-fondi pubbliċi.

Il-Maġistrat inkwirenti Raffaella Mascarino ħarġet il-mandat ta’ arrest ftit tas-sigħat ilu.

Il-Maġistrat qalet li minkejja l-età żgħira tagħha hija xorta waħda għarfet tuża fondi pubbliċi għal benefiċċju personali tagħha. Fost dawn l-akkużi, Comi hija akkużata li tat żieda ta’ €3,000 lill-impjegat tagħha li €2,000 minnhom kellu jgħaddihom b’abbligazzjoni lill-Forza Italia.

Hija tinsab akkużata wkoll li rċeviet loan illegali ta’ €31,000. Il-pagament kien se jsir għall-kampanja elettorali tal-Parlament Ewropew.

Hija membru tal-Forza Italia u ġiet eletta fil-Parlament Ewropew għall-ewwel darba fl-2009 meta kellha 26 sena. Fl-elezzjoni ta’ Mejju li għadda hija ma ġietx eletta minħabba li s-siġġu tagħha ħadu l-kap tal-partit Silvio Berlusconi.