Laqqtet vajrus l-isptar li ħallieha tbati biex timxi; il-Qorti tagħtiha €70,000

Mara li nbidlitilha ħajjitha mil-lejl għan-nhar wara li qabadha l-vajrus MRSA mill-Isptar San Luqa meta kienet hemm għal trattament ngħatat €70,000 tal-ħsara li saritilha 12-il sena ilu.

Kien fi Frar tal-2007 meta mara tad-dar ta’ 48 sena ntbagħtet fl-isptar li kien l-isptar tal-istat dak iż-żmien peress li kellha wġigħ f’żaqqha, dardir u sturdament. Din ma kinitx l-ewwel darba li l-mara daħlet l-isptar għal diversi problemi ta’ saħħa. Dakinhar, il-pazjenta ntbagħtet l-emerġenza mit-tabib tagħha, fejn qabbduha mad-dripp u fdawha fil-kura ta’ kirurgu għal ġimagħtejn.

Hija kibritilha tbenġila skura fuq idha tal-lemin fejn kienu daħħlulha l-labra, u kien ħarġilha xi likwidu isfar. Meta ppruvat toħroġ mis-sodda xi ġimagħtejn wara, il-pazjenta waqgħet mal-art għax ċedewlha saqajha.

Wara dan, il-mara qattgħet erba’ ġimgħat fis-sodda, bla ma setgħet tiċċaqlaq u ngħatat l-antibijotiċi wara li ġie skopert li kienet laqqtet il-vajrus MRSA li attakkalha l-ispina ta’ daharha u anke affettwalha l-bużżieqa tal-awrina.

Din id-dijanjosi kienet biss il-bidu għall-pazjenta, li qattgħet 3 xhur tirkupra l-isptar, u mbagħad ġiet trasferita għas-sala tar-riabilitazzjoni fl-Isptar Boffa.

Madankollu, il-mara qatt ma ġiet lura għan-normal peress li baqgħet parapleġika, u ma setgħetx timxi iżjed mingħajr bastun, barra minn serje ta’ problemi gastrointestinali li nqalgħulha. Kawża ta’ dan, hija tilfet l-indipendenza tagħha.

Hija tellgħet il-qorti lid-Direttur Ġenerali tas-Saħħa għall-ħsarat li sarulha, u espert mediku appuntat mill-Qorti kkonferma li l-vajrus irriżulta f’debilità ta’ 60%. Ħareġ ukoll li hija qabadha l-vajrus meta daħlet l-isptar. L-espert qal li li kieku l-awtoritajiet tal-isptar ipprovdewlha operazzjoni mal-ewwel sintomi, hija jaf ma spiċċatx parapleġika għal għomorha. Il-Qorti osservat ukoll li l-geġwiġija fl-Isptar San Luqa qabel ma ċaqlaq l-operat tiegħu għall-Isptar Mater Dei jaf iggravat l-affarijiet.

Il-Qorti sabet li l-awtoritajiet tal-isptar naqsu milli jonoraw l-obbligi tagħhom lejn il-pazjenta. Għaldaqstant, il-Qorti Ċivili, ippreseduta mill-Imħallef Joseph R. Micallef, laqgħet it-talba tal-mara u żewġha u tathom €69,561.65 għad-dannu li sarilhom, imħallsa mill-Kap Uffiċjal Mediku Governattiv li tressaq il-qorti.