“Laqqa’ l-Eżekuttiv biex jagħżel tmexxija ġdida” – Louis Galea

Louis Galea, li bħalissa qed imexxi r-riforma fil-Partit Nazzjonalista, qal li kiteb lill-President tal-Eżekuttiv Alex Perici Calascione biex jitlaqqa’ l-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista biex fl-iqsar żmien possibbli jagħżel tim ġdid għat-tmexxija tal-partit. Sostna li fiċ-ċirkostanzi huwa biss tim ġdid li jista’ jassigura li l-partit jadotta dawk il-miżuri u proposti meħtieġa biex jirriforma u jiġġedded.

Louis Galea qal dan f’ittra li huwa bagħat lil Adrian Delia fejn żvela kif is-Sibt li għadda huwa ltaqa’ mat-tmexxija attwali tal-PN u stqarr li minn dakinhar sal-lum huwa jħoss li ma ġie rreġistrat l-ebda progress dwar ftehim fuq tim ta’ tmexxija ġdid. Għal-laqgħa pparteċipaw Adrian Delia, iż-żewġ Viċi Kapijiet David Agius u Robert Arrigo flimkien mas-Segretarju Ġenerali Clyde Puli.

Dwar l-istħarriġ tal-MaltaToday, Louis Galea qal li kif mistenni, dan “ikkarga bil-kbir l-urġenza għal azzjoni deċiżiva”. Qal ukoll li r-rapporti dwar l-eżitu tal-laqgħa mal-Grupp Parlamentari tal-bieraħ u l-iżviluppi li segwew jesiġu azzjoni immedjata.