Laqgħat dwar ir-rakkomandazzjonijet tal-operat tal-WasteServ

L-istudju dwar l-operat tal-WasteServ ġie diskuss matul il-laqgħa li saret bejn il-Ministru Leo Brincat u l-GRTU.

Il-Ministru għall-Ambjent sostna li l-Gvern u l-WasteServ qed jiffukaw fuq l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tar-rapporti biex il-kumpanija tissaħħaħ.

Leo Brincat qal li minkejja li l-WasteServ  teħtieġ tibdil fl-operat, instab li fondi għall-infieq kapitali spiss intużaw għal skopijiet oħrajn.

Il-Ministru qal li l-Gvern se jara li jiġi fis-seħħ il-Pjan Nazzjonali għall-Immaniġġjar tal-Iskart.

Huwa rringrazzja lill-GRTU u lil dawk l-entitajiet kollha li ressqu ’l quddiem bil-proposti tagħhom għat-tħejjija ta’ dan l-abbozz. 

Fil-bidu tal-laqgħa l-President tal-GRTU Paul Abela ħeġġeġ lill-Gvern biex jinċentiva l-iżvilupp tal-ekonomija l-ħadra fil-pajjiż.

Intant f’laqgħa oħra li kellu mal-Kamra tal-Kummerċ, il-Ministru Leo Brincat stieden lill-Kamra tal-Kummerc li wara li tifli r-rapporti dwar il-WasteServ tersaq ’il quddiem bil-proposti konkreti tagħha dwar kif sehem il-privat jista’ jikber ħalli l-WasteServ tkun tista’ toħloq aktar spazju għall-inizjattiva privata fil-pajjiż. 

 

Ritratti: DOI – Cloudagh Farrugia O'Neill