Aġġornata: Il-Ministru Mizzi jitlob li ssir inkjesta biex tinvestiga l-inċidenti tal-bendy buses

Il-Ministru għat-Trasport Joe Mizzi talab lil Tranport Malta biex taħtar kummissjoni biex tinvestiga l-inċidenti fejn żewġ bendy buses tal-Arriva ħadu n-nar. Din il-kummissjoni mistennija tlesti l-inskjesta fi żmien ġimgħa u se tgħaddi r-rapport bil-konklużjonijiet lill-Ministru.

Intant, fl-4 pm, it-Taqsima Port u Trasport tal-General Workers Union se jkollha laqgħa urġenti mal-management tal-Arriva dwar l-inċidenti li ġraw fil-jumejn li għaddew meta żewġ bendy-buses ħadu n-nar.

Din il-laqgħa se ssir sabiex qabel kollox tiġi assigurata l-protezzjoni tas-saħħa u l-ħajja tax-xufiera u l-passiġġieri.

Dalgħodu, it-taqsima tal-GWU kitbet lill-management tal-kumpanija fejn filwaqt li wriet it-tħassib tagħha dwar dawn l-inċidenti, talbet laqgħa urġenti filwaqt li nfurmathom li kitbet lil Transport Malta u  lill-Awtorità tas-Saħħa u Sigurtà fejn talbithom biex jinvestigaw b’mod urġenti dawn iż-żewġ inċidenti u l-kundizzjoni tal-bendy buses inġenerali.

Fl-ittra tagħha, it-Taqsima nfurmat ukoll lill-management ta’ Arriva li se tkun qed tikkunsidra l-possibiltajiet kollha biex tiżgura li l-ħaddiema u l-passiġġieri ma jkunu esposti għall-ebda periklu.

Flimkien mas-Segretarju tat-Taqsima Jeremy Camilleri, fil-laqgħa se jkun hemm numru ta’ rappreżentanti tal-ħaddiema fosthom xufiera tal-bendy-buses.