Laqgħa tal-MCESD dwar il-Covid-19 nhar it-Tlieta

Il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, l-MCESD, se jitlaqqa’ nhar it-Tlieta li ġej fil-preżenza tal-Prim Ministru Robert Abela, is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci u Ministri mill-Kabinett.

Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ, il-Perit David Xuereb, qal dan waqt The 103 Morning Show fuq 103 Malta’s Heart waqt li kien qed jiġi intervistat minn Jesmond Saliba.

Aktar kmieni din il-ġimgħa, il-Kamra tal-Kummerċ talbet li ssir din il-laqgħa, fid-dawl taż-żieda ta’ każijiet ta’ Covid-19 kif ukoll fid-dawl tal-ftuħ imminenti tal-iskejjel.

Il-Perit Xuereb qal li l-membri tal-Kamra tal-Kummerċ ilhom jaħdmu biex l-ekonomija tibda terġa’ tirranka. Stqarr li sfortunatament minħabba li d-dixxiplina tal-pajjiż marret lura fl-aħħar xhur, ir-riżultat kien żieda fin-numri ta’ każijiet ta’ Covid-19. Il-Perit Xuereb qal li dan jindika li bħala pajjiż m’aħniex nifhmu biżżejjed x’jiġifieri ngħixu mal-virus.

Il-Kamra tal-Kummerċ tħoss li l-ftuħ tal-iskejjel huwa kruċjali biex l-ekonomija timxi ’l quddiem. Il-Perit Xuereb spjega li l-Gvern ma jistax jitħalla jiddeċiedi waħdu fuq x’għandu jsir u għalhekk il-Kamra tal-Kummerċ għamlet suġġeriment biex jitlaqqa’ l-MCESD biex jittieħdu miżuri ħalli jonqsu n-numri u jiftħu l-iskejjel.