Laqgħa PAC: L-Enemalta ma żammitx il-minuti għax il-ħajja mgħaġġla

Segwi LIVE mill-parlament il-laqgħa tal-PAC

Waqt it-tieni laqgħa tal-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi dwar ir-rapport tal-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali fuq ix-xiri taż-żejt mill-Enemalta, l-Awditur Ġenerali qal li forsi fil-ħajja mgħaġġla tal-lum il-Korporazzjoni Enemalta naqset milli żżomm mal-proċeduri taż-żamma tal-minuti.

Żamma ta' minuti tax-xiri taż-żejt

L-Awditur Ġenerali qal li n-nuqqas tal-minuti tal-laqgħat tal-Kumitat għax-Xiri taż-Żejt fixkel ir-rapport u għal darb’oħra saħaq li r-rapport sar fuq il-miżuri ta’ proċedura ma kinitx investigazzjoni fuq ix-xiri taż-żejt. 

Justyne Caruana staqsiet jekk l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali kienx inkwetat li Kumitat bħal dan li nnegozja miljuni ta’ ewro f’xiri taż-żejt ma kienx qed iżomm il-minuti. 

Owen Bonniċi irrimarka li fir-rapport jingħad li kien hemm nuqqasijiet kbar fiż-żamma tal-minuti imma l-NAO ma rrimarkax dan. Min-naħa tiegħu, Luciano Busuttil staqsa lill-uffiċjali tal-NAO jekk kienx hemm minuti oħra li baqgħu mistura. L-Uffiċjali tal-NAO qalu li ma setgħu jagħmlu xejn ħlief li juru l-affarijiet kif inhuma, kif ma kinux qed jinżammu l-minuti mill-Enemalta. 

L-Awditur Ġenerali qal li r-record keeping kien ineżistenti. Ir-rappreżentanti tal-Gvern baqgħu jinsistu għaliex ma saritx pressjoni meta kien hemm nuqqas ta’ records bħal dan. 

Owen Bonnici staqsa għaliex il-powerstation spiċċat taħdem bil-heavy fuel oil meta l-Gvern preċedenti kien favur li din taħdem bil-gass. L-Awditur Ġenerali qal li kien għalhekk li r-rapport tpoġġa quddiem il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi biex dan jinvestiga u jieħu azzjoni ulterjuri. 

Jason Azzopardi qal li mill-konklużjonijiet tar-rapport stess jirriżulta li kien ta’ vantaġġ il-hedging li sar mill-Enemalta u kien hemm il-qliegħ. Hawnhekk l-Awditur Ġenerali kkonferma. 

L-eks Ministru Austin Gatt

Beppe Fenech Adami qal lir-rappreżentanti tal-Awditur Ġenerali li ħadd ma jista’ jgħid li l-eks Ministru Austin Gatt inxtara fil-proċeduri tax-xiri taż-żejt.  Fenech Adami qal li fir-rapport tal-NAO mhemm xejn li jindika dan, ħlief imejl li Austin Gatt kien bagħat lir-Risk Management Commitee  u mhux lil Fuel Procurement Committee dwar il-parametri tax-xiri taż-żejt li kien iddeċieda dwarhom il-kabinett.

B’risposta għall-mistoqsija taċ-Ċermen Jason Azzopardi dwar jekk Gatt kellux jinforma lil RMC bil-proċeduri, l-Awditur Ġenerali qal li l-esperti tal-hedging hu l-RMC u għalhekk huma suppost kellhom jiddeċiedu l-aħjar strateġija ta’ hedging.

Jason Azzopardi staqsa lill-Awditur Ġenerali għaliex waqt li qed jagħmlu r-rapport, Austin Gatt qatt ma ġie mistoqsi dwar din l-imejl.  Ir-risposta tal-Awditur Ġenerali kienet li r-rapport qed jinvestiga l-istrateġija tax-xiri taż-żejt.

Skont l-Awditur Ġenerali l-eks Ministru Austin Gatt ma kellux jabbuża mill-poter tiegħu u jistabilixxi l-parametri tal-hedging tal-Enemalta fuq tariffi li ma kinux approvati.

B’risposta għall-mistoqsija ta’ Owen Bonnici dwar jekk “bl-indħil” ta’ Austin Gatt, Enemalta kelliex toħroġ aktar flus fix-xiri taż-żejt, l-Uffiċċju tal-Awditur qal li bil-hedging, il-Korporazzjoni ffrankat €14-il miljun imma meta titnaqqas ir-rata ta’ kambju tiġi biex ħarġet €3 miljun aktar.

Rappreżentati tal-Uffiċċju tal-Awditur naqsu milli jwieġbu jekk it-€3 miljun li tilfet l-Enemalta humiex konsegwenza tal-allegat indħil ta’ Austin Gatt waqt il-proċeduri tax-xiri ta-żejt. 

Justyne Caruana rrimarkat li fir-rapport tal-Awditur Ġenerali hemm imniżżel ukoll li l-Ministru Gatt “daħal fl-operat tal-Ministru George Pullicino, li taħtu kienu jaqgħu t-tariffi”.  Skont rappreżentat tal-Awditur Ġenerali, f’Novembru 2009 Austin Gatt bagħat imejl lill-Pullicino u xahar wara dan approva t-tariffi.  Skont l-NAO, Gatt “antiċipa deċiżjoni ta’ Ministru ieħor”.

L-Awditur Ġenerali qal li huma ma investigawx kif kien jinxtara ż-żejt qabel u wara t-tmexxija taċ-Ċermen Tancred Tabone, għax dak ma kinx l-iskop ta’ dan ir-rapport.

Telefonati rrekordjati

Beppe Fenech Adami staqsa lill-Uffiċjju tal-Awditur dwar ir-rakkomandazzjoni li jiġu rrekordjati t-telefonati li jsiru waqt it-trattativi għax-xiri taż-żejt. Rappreżentat tal-NAO qal li “jekk nixtiequ trasparenza iżjed qawwija hemm bżonn li t-telefonati jiġu rrekordjati … dan għal fini ta’ awditjar u mhemmx għalfejn isiru pubbliċi”.

L-Awditur Ġenerali qal bħalissa l-Kumitat tal-Enemalta qed tikkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-NAO għalkemm iċ-Chief Financial Officer tal-Korporazzjoni Antoine Galea “ma jħossux komdu li t-telefonati jiġu rrekordjati minħabba l-element ta' bluff". 

 

Il-Kumitat se jerġa' jiltaqa' nhar l-Ebrgħa fid-disa' ta' filgħodu u bħala xhieda se jerġa' jkun hemm rappreżentanti mill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali.