Laqgħa PAC: Rakkomandazzjoni dwar ix-xiri taż-żejt ppreżentati fil-Parlament fl-2006

Segwi LIVE mill-parlament il-laqgħa tal-PAC

Fid-disa’ ta’ dalgħodu fil-parlament bdiet it-tielet laqgħa tal-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi dwar ir-rapport tax-xiri taż-żejt mill-Enemalta bejn l-2008 u 2011.  Quddiem il-Kumitat illum reġa’ qed jidher jixhed l-Awditur Ġenerali Anthony Mifsud u rappreżentati oħra fi ħdan l-uffiċċju tiegħu li ħejjew ir-rapport.

Waqt il-laqgħat ta’ nhar it-Tnejn, meta għal seba’ sigħat xehed l-Awditur Ġenerali, spikka l-għaliex l-Enemalta ma żammitx il-minuti tal-laqgħat.  Skont l-Awditur Ġenerali r-raġuni tista’ tkun “forsi minħabba l-ħajja mgħaġġla”.

F’ħafna mill-ħin, l-Oppożizzjoni rribattiet li fir-rapport tal-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali (NAO) mhemmx imniżżel li l-eks Ministru Austin Gatt indaħal fil-proċeduri tax-xiri taż-żejt.

Sitwazzjoni finanzjarja tal-Enemalta

Owen Bonnici u Justyne Caruana f’isem il-Gvern jistaqsu lill-Awditur Ġenerali għaliex bejn l-2008 u 2011, l-Enemalta ma ppreżentatx fil-ħin ir-rapporti finanzjarji tal-kumpanija u għaliex ir-rapport ma daħalx fid-dettall fuq din il-kwistjoni.

Bħal ma sostna nhar it-Tnejn li għadda, l-Awditur Ġenerali qal li dan ir-rapport hu dwar ix-xiri taż-żejt.  Qal li mistoqsijiet dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tal-Korporazzjoni għandhom isiru direttament lill-Enemalta.

Il-policy dwar kif l-Enemalta kienet tixtri ż-żejt

Owen Bonnici jagħmel mistoqsija dwar il-Fuel Procurement Policy ta’ kif l-Enemalta kienet tixtri ż-żejt qabel l-1 ta’ Jannar 2011 u jekk min kien jixtri ż-żejt “kienx liberu jagħmel li jrid?”.

Rappreżentat tal-NAO wieġeb li meta talbu lill-Enemalta biex tgħaddilhom il-policies ta’ bejn 2008 u l-2011, il-Korporazzjoni għaddiet policy li bdiet minn Jannar 2011. Qal li ma jafx kif l-Enemalta kienet topera u x’policy kienet tirregola x-xiri”.

L-Awditur Ġenerali jintervjeni fid-diskussjoni u jgħid li “dawn id-domandi għandhom isiru lill-Enemalta”. Owen Bonnici jwieġeb lura li għandhom id-dover jagħmlu dawn il-mistoqsijiet għaliex din id-diskussjoni hi dwar miljuni ta' ewro.

Iċ-Ċermen tal-Kumitat Jason Azzopardi jistaqsi jekk hemmx relazzjoni bejn in-nuqqas ta’ minuti tal-Enemalta u d-deċiżjonijiet lig ħamel il-Fuel Procurement Committee. L-Awditur Ġenerali jgħid li ma jistax iwieġeb minħabba li ma jistax jagħmel referenza għall-minuti. 

L-Awditur jgħid lil Beppe Fenech Adami li ma setgħux jagħmlu mistoqsijiet lill-eks ħaddiema tal-Enemalta għaliex dan seta’ jfixkel ir-rapport. 

Fenech Adami qal li huwa minnu li l-Fuel Procurement Committee beda fl-1987 imma fis-snin ta’ qabel “kien hemm il-perit Dom Mintoff jieħu ħsieb jixtri ż-żejt”.

Żamma ta' minuti tal-laqgħat

Dwar iż-żamma tal-minuti, l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali qal li mill-karti li eżaminaw irriżulta li bejn l-2008 u l-2011 il-minuti tal-laqgħat inkitbu bl-idejn, “kienu tħażżiż” u xorta ma nżammx rekord tal-laqgħat kollha. Qal li l-investigazzjoni kienet diffiċli minħabba nuqqas ta’ informazzjoni.

Owen Bonnici rrimarka li sat-18 ta’ Diċembru 2003, il-minuti tal-laqgħat kienu jiġu ttajptjati kif suppost u jinkiteb l-isem tan-nies preżenti. Dwar x’sar qabel l-2008 u wara l-2011, l-NAO ma jistax jikkummenta.

Ir-rakkomandazzjoni dwar ix-xiri taż-żejt mill-Advisory Committee 

Jason Azzopardi qal illi fl-April tal-2006, il-Ministru li dak iż-żmien kien responsabbli mill-Enemalta, kien poġġa fuq il-mejda tal-Parlament, ir-rakkomandazzjonijiet tal-Advisory Committee dwar ix-xiri taż-żejt. L-Awditur Ġenerali ikkonferma li qara dan ir-rapport. 

Beppe Fenech Adami qal illi meta l-Ministru li kien responsabbli mill-Enemalta, Austin Gatt poġġa dawn ir-rakkomandazzjonijiet fuq il-mejda tal-Parlament, kien qal li qed jagħti struzzjonijiet li dawk ir-rakkomandazzjonijet kienet il-Policy li għandha tiġi addottata. Beppe Fenech Adami staqsa jekk l-uffiċċju tal-Awditur Ġenerali staqsewx lill-Enemalta jekk kienux addottaw dawn ir-rakkomandazzjonijiet. Ir-rappreżentat tal-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali qal illi d-dokument imsemmi mhux policy imma rakkomandazzjoni ta' kif għandha tiġi żviluppata l-policy.

Beppe Fenech Adami baqa' jinsisti li dan id-dokument b'rakkomandazzjoniet inkiteb biex jagħti direzzjoni. Ir-rappreżentant tal-Uffiċċju tal-Awditur tenna li dawn kienu rakkomandazzjonijiet u mhux policy. Charles Deguara, id-Deputat Awditur Ġenerali qal li ma sabu ebda komunikazzjoni uffiċċjali fejn tgħid illi dan id-dokument kellu jiġi implimentat bħala policy. Beppe Fenech Adami insista li saret dikjarazzjoni fil-Parlament, l-għola istituzzjoni tal-pajjiż. 

Beppe Fenech Adami kompla li għandu jkun hemm distinzjoni bejn policy u proċedura. Hu qal li r-rakkomandazzjonijiet ppreżentati fil-parlament kellhom jitqiesu bħala policy imma kienu neqsin mill-proċedura. Hu spjega kif il-policy document addottat fl-2011 kien fih il-policy u l-proċedura ta' kif tipi addottata din il-policy. Ir-rappreżentant tal-Uffiċċju tal-Awditur qal illi jaqbel li hemm din id-distinzjoni. 

Il-laqgħa għadha għaddejja.