Aħna għandna laqgħa li għandha toffri approċċ differenti favur il-protezzjoni tat-tfal – Arċisqof Scicluna

“Il-Papa fehem li l-kwistjoni tal-abbuż sesswali minn membri tal-Knisja fuq minuri hija kwistjoni globali u mhux każ ġeografiku jew kulturali, għaldaqsatant il-knisja trid tieħu approċċ wiesgħa bi front maqgħud filwaqt li tirrispetta l-kulturi diversi iżda determinata li fuq din il-kwistjoni tkun fuq l-istess ħsieb tan-nies.”

Mons Arċisqof Scicluna hekk spjega l-intenzjoni tal-Papa Franġisku li fi Frar li ġej se jlaqqa fil-Vatikan il-presidenti tal-konferenzi tal-isqfijiet u mexxejja oħra fil-Knisja. L-Arċisqof kien qiegħed iwieġeb għall-mistoqsijiet tal-magażin tal-Ġizwiti, America. L-intervista saret ftit wara li l-Papa għażel lill-Arċisqof Scicluna bħala membru tal-kumitat li qed jorganizza din il-laqgħa.

Huwa qal li din il-laqgħa tal-isqfijiet mid-dinja kollha hija okkazjoni kbira għax se tiddiskuti temi importanti għal knisja fosthom il-protezzjoni tat-tfal u l-ġlieda tal-knisja kontra l-abbuż sesswali fil-knisja.

Nittama li jittieħdu numru ta’ inizjattivi

Filwaqt li jifhem li din il-laqgħa ta’ erba’ t’ijiem mhux se toffri soluzzjonijiet dejjiema, l-Arċisqof għamel enfażi fuq il-fatt li dan tista’ ikun l-bidu ta’ proċess globali li jrid iż-żmien tiegħu biex isir soluzzjoni perfetta.

Bħala riżultat ta’ dan il-proċess, l-Arċisqof qed jittama li numru ta’ inizjattivi jibdew iseħħu madwar il-knisja f’artijiet differenti biex tiġi ikkreata atmosfera ta’ determinazzjoni kontra l-abbuż u favur il-protezzjoni sħiħa tal-minuri. Mons. Scicluna qed jittama li il-laqgħa ta’ Ruma tgħin fil-proċess biex jiġu ndirizzati numru ta’ kwistjonijiet relatati ma’ kulturi differenti li kollha għandhom kemm restrizzjonijiet iżda ukoll aspetti pożittivili.

L-Arċisqof iddeskriva l-laqgħa ta’ Frar bħala l-bidu ta’ approċċ differenti min-naħa tal-Knisja dwar is-salvagwardja tal-minuri, ħaġa li qed tinħass f’kull paroċċa, kull skola u djoċesi u li allura soluzzjoni għaliha għandha tinstab ukoll fuq livell lokali biex din ikollha effett dejjiemi.

L-għan aħħari ta’ din il-laqgħa huwa li ġġieħel lill-isqfijiet jirrealizaw li l-abbuż sesswali fuq minuri mhux biss hu att mill-iktar gravi u att kriminali iżda ukoll sintomu ta’ xi ħaġa iktar gravi li hi kriżi bl-mod kif ċertu qassisin qed jieħdu l-vokazzjoni tagħhom.