Ritratti: Laqgħa kruċjali dwar l-immigrazzjoni f’Sant’Anġlu

Il-Ministru tal-Intern Franċiż Christophe Castaner jitkellem mal-President George Vella.

Read in English.

Fil-Forti Sant’ Anġlu, il-Ministri tal-Intern ta’ Malta, l-Italja, Franza u tal-Ġermanja, u l-Finlandja, li għandha l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea, flimkien il-Kummissarju Ewropew għall-Migrazzjoni, Dimitris Avramopoulos, se jfasslu l-politika ġdida tal-Unjoni Ewropea dwar l-immigrazzjoni.

Il-laqgħa f’Malta li qed issir fuq inizjattiva li ttieħdu fl-aħħar xhur biex jinstabu soluzzjonijiet għal sitwazzjonijiet li qed jinħolqu, speċjalment bl-involviment tal-vapuri tal-għaqdiet mhux governattivi.

Malta u l-Italja qegħdin jipproponu sistema awtomatika ta’ tqassim ta’ immigranti li jiġu salvati fil-Mediterran bl-għan li jintemmu s-sitwazzjonijiet ta’ immigranti li jinqabdu bejn sema u ilma, fuq il-vapuri tal-għaqdiet mhux governattivi.

Intant, lejlet laqgħa Ministerjali f’Malta, il-Ministru għall-Intern Franċiż Christophe Castaner iltaqa’ mal-President ta’ Malta George Vella.

“Hemm bżonn sistema permanenti” – NGOs

Diversi NGOs, fosthom l-aditus foundation, stqarrew li hemm bzonn sistema permanenti ta’ żbarkazzjoni u relokazzjoni ta’ nies li qed ifittxu l-ażil.

Qalu li s-sistema kif inhi bħalissa tmur kontra d-dinjità u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem. Żiedu li s-sistema kif inhi bħalissa hemm ir-riskju li Stati Membri oħra ma jkunux iridu jgħinu lill-Italja u lil Malta.

Kitbu wkoll dwar it-trattament tan-nies fiċ-Ċentru tar-Riċeviment u fiċ-Ċentru tad-Detenzjoni ta’ Ħal Safi. Qalu li kemm-il darba staqsew dwar il-legalità tad-detenzjoni ta’ dawk li nżammu minħabba raġunijiet mediċi, imma damu hemm ġimgħat twal. Barra minn hekk, spjegaw li ċ-ċentri mimlijin u li l-kundizzjonijiet huma gravi.

Ikkonkludiet billi saħqet lill-Istati Membri biex:

  • Jipprovdu sapport lil Malta u l-Italja;
  • Iwaqqfu s-sistema fejn in-nies jiżbarkaw biss meta jkollhom port sigur;
  • Jaraw li n-nies jifhmu l-futur tagħhom f’pajjiż ġdid;
  • Jagħtu garanzija li n-nies se jiġu trattati b’mod li jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem;
  • Isaħħu ċ-ċentri tar-riċeviment fiżikament u anka f’riżorsi umani.

Din l-istqarrija kienet iffirmata minn aditus foundation, African Media Association, Blue Door English, Integra Foundation, Jesuit Refugee Service (Malta), Malta Emigrants’ Commission, Migrant Women Association (Malta), Moviment Graffitti, Office of the Dean Faculty of Education, SOS Malta and Syrian Solidarity in Malta.