Laqgħa Kordjali bejn is-Segretarjat tal-Isport u l-Għaqda Ġurnalisti Sport

F'laqgħa kordjali ħafna li saret ilbieraħ fil-bini tal-Ministeru tal-Edukazzjoni fil-Floriana, iltaqħu l-Għaqda Ġurnalisti Sport flimkien mas-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Isport Dr Clifton Grima flimkien mas-Segretarju Privat tiegħu Dr Chris Bonett.
Dr Grima beda billi qal li huwa ta' unur kbir għalih li qed jilqa' lill-ġurnalisti f'dik li sejħilha d-dar naturali tagħhom waqt li tenna li l-bieb se jkun dejjem mifuħ għar-rappreżentanti tal-Għaqda Ġurnalisti Sport  li tant taħdem għall-akbar ġid tal-isport f'pajjiżna.
Dr Clifton Grima kompla li huwa ta' unur kbir għalih li kien qed jilqa' lil-ġurnalisti sportivi speċjalment għall-fatt li huwa ġej mill-isport u l-isport huwa parti integrali minn ħajtu. Huwa qal li ma kellux problemi biex isir jaf lil-ġurnalisti li jiffurmaw parri mill-Eżekuttiv tal-GĦĠS għax ħafna minnhom jafhom minħabba li huwa persuna midħla sew tal-isport fejn fil-passat riċenti okkupa karigi importanti fl-amministrazzjoni tal-isport fosthom bħala viċi-president ta' Sliema Wanderers.
Huwa kompla li fil-futur qrib jixtieq li jkun hemm kollaborazzjoni akbar fejn jidħol is-Segretarjat immexxi minnu u l-Għaqda Ġurnalisti Sport.
Min-naħa tiegħu Sandro Micallef, president tal-Għaqda Ġurnalisti Sport saħaq li l-Għaqda mmexxija minnu tixtieq li jkollha l-aqwa relazzjoni possibli mas-Segretarjat tal-Isport. Huwa afferma kif l-Eżekuttiv huwa kompost minn persuni ta' etajiet differenti u li jirrapreżentaw l-media houses kollha ta' pajjiżna. Micallef kompla li l-Għaqda Ġurnalisti Sport tinsab ferm kuntenta li s-Segretarjat tal-Isport qed jiġi mmexxi propju minn Dr Clifton Grima li huwa persuna ferm żagħżugħa u li għandu għal qalbu ferm l-isport.
Huwa kompla li jinsab ċert li meta wieħed jieħu in konsiderazzjoni dan kollu, m'hemmx dubju li l-futur tal-isport se jkun wieħed sabiħ. Dan fost oħrajn minħabba l-fatt li Dr Cifton Grima huwa persuna żagħżugħa u għalehh se jkun qed jegħleb il-barrieri ta' età meta jiltaqa' ma' diversi atleti żgħażagħ.
Intant, ir-rappreżentanti tal-Għaqda Ġurnalisti Sport għal din il-laqgħa kienu Sandro Micallef bħala president, Clinton Buhagiar bħala viċi-president, Antvin Monseigneur bħala segretarju ġenerali organizzattiv u l-membri fl-Eżekuttiv Cristian Muscat, Joanna Camilleri, Lorraine Cunningham, Joanna Camilleri, Stewart Said u l-president tal-AIPS Europe u viċi-president tal-AIPS World, Charles Camenzuli.