Laqgħa Inter-reliġjuża fil-Pakistan bi tħejjija għall-Milied

Religious leaders in Pakistan meet prior to Christmas

L-Avvent u l-vaganzi tal-Milied joffru okkażżjoni tajba għal djalogu inter-reliġjuż fil-Pakistan fejn fil-fatt, il-Kummissjoni Nazzjonali għad-Djalogu u Ekumeniżmu Inter-reliġjuż tal-Konferenza Episkopali Pakistana, organizzat laqgħa simili f’Lahore bi tġejjija għall-Milied.

L-aġenzija tal-aħbarijiet FIDES qalet li għal din il-laqgħa, barra mill-awtoritajiet ċivili kienu preżenti wkoll l-Arċisqof Sebastian Francis Shaw, President ta’ din il-Kummissjoni; il-Ministru Provinċjali tal-Punjab għall-Minoritajiet u d-Drittijiet Umani, Ajaz Alam Augustine.

Fost il-mexxejja Musulmani kien hemm Hafiz Sayed Ashiq Hussain u oħrajn flimkien ma’ numru ta’ qassisin u reliġjużi li huma nvoluti fid-djalogu bejn l-Islamiċi u l-insara u ħafna oħrajn.

Il-laqgħa kienet mimlija b’insara ta’ reliġjonijiet differenti u nqaraw passaġġi mill-Bibbja u mill-Qoran. Il-mexxejja flimkien xiegħlu xemgħat li jissimbolizzaw it-triq u x-xewqa għall-paċi li hi l-messaġġ ewlieni tal-Milied. “Dan id-dawl tal-Milied hu dawl ta’ paċi li jġib it-tama li ddawwal u tkebbes il-fidi”, qal l-Arċisqof Shaw.

Ambaxxaturi tal-paċi

Waqt il-laqgħa, tfal minn skejjel differenti kantaw innijiet tal-Milied u ppreżentaw xogħlijiet marbuta mal-ispirtu tal-Milied. Studenti mill-iskola Santa Marija ta’ Lahore, lestew tpinġija fl-istorja tal-presepju.  Il-preżenza tat-tfal f’din il-laqgħa inter-reliġjuża messet il-qlub ta’ ħafna minn dawk preżenti.  L-Arċisqof Shaw faħħar lill-istudenti u qal li “irridu nagħmlu minn dawn it-tfal l-ambaxxaturi tal-paċi tal-ġenerazzjonijiet il-ġodda”.

Il-Mexxejja Musulmani onoraw lill-Arċisqof Shaw bil-fjuri u taw ix-xewqat sbieħ tagħhom u qalu li l-Milied hu “wirja straordinarja tal-armonija inter-reliġjuża li tant hemm bżonnha fil-Pakistan” filwaqtli urew apprezzament għall-inizjattiva tal-Kummissjoni tal-isqfijiet Kattoliċi.

Francis Nadeem, Segretarju Eżekuttiv tal-Kummissjoni u organizzatur tal-laqgħa qal li: “Jiddependi minnha biex neliminaw kull forma ta’ diskriminazzjoni u mibegħeda fil-familji tagħha, fis-soċjetà u fil-pajjiż biex niżirgħu u nkabbru il-paċi, it-tolleranza u l-armonija”.

Il-laqgħa ntemmet billi l-mexxejja reliġjużi kollha flimkien appellaw għad-djalogu u t-talb biex “il-Milied fis-sena l-ġdida iġib il-paċi, tolleranza, ferħ u solidarjetà fost ir-reliġjonijiet kollha”.