Laqgħat importantissimi f’Ġinevra dwar l-Ebola

Bejn illum u għada f’Ginevra se jsiru laqgħat importanti tal-Organizzazzjoni Dinija tas-Sanità (OMS) biex jiġi deċiż jekk il-marda tal-Ebola għandhiex titniżżel fil-lista ta’ emerġenza ta’ saħħa pubblika fuq skala internazzjonali.
Bħalissa fi New York, it-tobba qegħdin b’seba’ għajnejn fuq il-pazjent li ddaħħal l-isptar b’suspett li ħa l-Ebola. 
Skont it-tobba, il-pazjent jidher li ma ġiex infettat minn dan il-virus.  Ir-riżultati mediċi se jiġi mħabbra fis-sigħat li ġejjin.
Nhar it-Tnejn li għadda, ir-raġel mar hu stess għall-kura l-isptar wara li kien qed ibati mis-sintomi tal-Ebola, jiġifieri deni qawwi u problemi fl-istonku.
Skont l-OMS, kawża tal-Ebola, fl-Afrika diġà mietu 887 persuna u aktar minn 1,600 persuna oħra ġew ikkonfermati li ġew infettati mill-Ebola. 
F’temp ta’ sitt ijiem mietu 150 persuna.  Il-vittmi huma 358 mill-Ginea, 255 mil-Liberja, 273 minn Sjerra Leone u 1 min-Niġerja.
Il-Bank Dinji lest iħallas $200 miljun biex jgħin il-pajjżi Afrikani li huma maħkuma mill-Ebola.