Laqgħa importanti dwar l-Ebola għall-Ministri Ewropej

Il-Kummissarju Ewropew Malti għas-Saħħa, Dr Tonio Borg, illum se jiltaqa’ mal-Ministri Ewropej tas-Saħħa biex jiddiskutu l-aħħar żviluppi dwar il-virus Ebola.
Il-laqgħa li se ssir illum fi Brussell, fost l-oħrajn se tiffoka fuq kif jistgħu jiżdiedu l-miżuri ta’ sigurtà fl-ajruporti tal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea u dwar is-sigurtà tal-ħaddiema fis-settur tas-saħħa.
L-ewwel rapporti ta’ Ebola fl-Unjoni Ewropea wrew li hemm bżonn ta’ aktar prevenzjoni u kordinazzjoni bejn il-pajjiżi Ewropej.
Aktar kmieni din il-ġimgħa, ir-Renju Unit beda jimplimenta wħud mill-miżuri fosthom fl-ajruporti ta’ Gatwick, Heathrow u fit-terminal Eurostar.
Il-Ġermanja għaddiet aktar dettalji lill-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa dwar il-mewt tal-infermier tan-Nazzjonijiet Magħquda li miet fl-isptar ta’ Leipzig minħabba l-Ebola.
Anke Spanja kompliet taġġorna d-dettalji dwar l-infermiera infettata bl-Ebola u dwar min seta’ ġie f’kuntatt magħha.