Laqgħa f’Ruma bi preparazzjoni għas-Sinodu dwar iż-Żgħażagħ

Madwar 300 ġuvni u tfajla se jinġabru f’Ruma bejn id- 19 u l-24 ta’ Marzu biex jippreparaw għall-15-il Sinodu tal-Isqfijiet li se jiddiskuti t-tema taż-Żgħażagħ.
F’dan is-Sinodu l-Knisja trid tisma’ l-ilħna, is-sensittivitajiet, il-fidi, id-dubji u l-kritika taż-żgħażagħ u l-konlużjonijiet ta’ din il-laqgħa jintbagħtu lill-Isqfijiet li f’Ottubru se jiltaqgħu f’Sinodu biex jiddiskutu ż-żgħażagħ.
Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet il-Kardinal Lorenzo Baldisseri, Segretarju Ġenerali tas-Sinodu tkellem dwar l-iskopijiet tal-laqgħa li fiha l-protagonisti ewlenin se jkunu ż-żgħażagħ infushom. Għal-laqgħa se jattendu żgħażagħ minn madwar id-dinja, Kattoliċi u mhumiex, Insara u oħrajn minn reliġjonijiet oħra, u oħrajn li ma jemmnu f’xejn.
Il-Kardinal spjega li hemm għaxar skopijiet għal din il-laqgħa. Matulha mhux se jitkellmu “dwarhom” imma se jirrakkuntaw lilhom infushom: bil-lingwa tagħhom, bl-entużjażmu tagħhom u s-sensittività tagħhom.
Kelma li l-Papa enfasiżża kemm il-darba meta tkellem dwar is-Sinodu hi “nisimgħu”. Irridu nisimgħu liż-żgħażagħ b’mod dirett biex nifhmu aħjar is-sitwazzjoni tagħhom, x’jaħsbu dwarhom infushom u dwar l-adulti, kif jgħixu l-fidi u x’diffikultajiet għandhom jekk huma Nsara, kif jippjanaw ħajjithom, u xi problemi għandhom biex jiddixxernu l-vokazzjoni u kif qed jaraw il-Knisja llum u kif jixtiequ jarawha.
Fost iż-żgħażagħ li se jinstemgħu hemm dawk li ġejjin minn sitwazzjonijiet diffiċli, mill-periferiji u li ħafna drabi m’għandhomx ċans isemmu leħinhom. Jinstemgħu wkoll dawk li mhumiex Kattoliċi u l-anqas insara.
Din il-laqgħa għandha sservi bħala opportunità biex nilħqu maż-żgħażagħ għax nafu li s-Sinodu hu “vjaġġ flimkien” u allura rridu xi jfisser li nimxu maż-żgħażagħ kollha mingħajr eċċezzjoni.
Il-Kardinal Baldisseri qal li nimxu maż-żgħażagħ ifisser ukoll li rridu nidentifikaw toroq pastorali speċifiċi li jgħinu l-komunitajiet kristjani jikkonsolidaw il-proġetti pastorali favur iż-żgħażagħ u jadottaw għall-ħtiġijiet taż-żgħażagħ tal-lum.
F’din il-laqgħa, flimkien maż-żgħażagħ, xi ġenituri, edukaturi, saċerdoti, ħaddiema pastorali u esperti fil-qasam taż-żogħżija se jieħdu sehem biex jisimgħu lil dawk li jgħixu maż-żgħażagħ u għandhom l-għodda biex jinterpretaw is-sitwazzjoni tagħhom fil-fond.
B’dan il-mod il-Knisja tixtieq tipproponi wkoll metodu ta’ kollaborazzjoni interġenerazzjonali u tinkoraġixxi d-djalogu bejn iż-żgħażagħ u l-adulti li ħafna drabi ma jirnexxielhomx jiddjalogaw bejniethom.
Skop ieħor tal-laqgħa hu li jispira dinamika ta’ parteċipazzjoni bbażata fuq laqgħa bejn il-kulturi, il-kundizzjonijiet tal-ħajja, il-fidi, u jkun żviluppat mudell li jista’ jkun ripetut f’realtajiet ekklesjastiċi differenti.
Il-Kardinal qal li se jistaqsu kif jistgħu jgħinu liż-żgħażagħ ifittxu u jsibu l-iskop ta’ ħajjithom fid-dawl tad-diversi perspettivi vokazzjonali li l-Papa Franġisku jrid jagħti lis-Sinodu.
U fl-aħħarnett il-laqgħa se tfassal dokument li jingħata lill-Papa fil-25 ta’ Marzu li mbagħad ikun inkorporat mal-kontribuzzjonijiet l-oħra li se jirċievi s-Segretarjat tas-Sinodu biex kollox ikun studjat fis-Sinodu proprju f’Ottubru li ġej.