Laqgħa Ekumenika f’Bari għall-paċi fil-Lvant Nofsani

Nhar is-Sibt 7 ta’ Lulju, il-Papa Franġisku se jmur f’Bari, l-Italja biex jipparteċipa f’Laqgħa Ekumenika ta’ Talb għall-Paċi fil-Lvant Nofsani.

It-tema tal-laqgħa “Il-Paċi Fuqek” – Insara Flimkien għal-Lvant Nofsani se tibda minn kmieni filgħodu u fiha mistennija jieħdu sehem mexxejja ta’ diversi reliġjonijiet Insara.

Dakinhar il-Papa se jitlaq mill-Vatikan b’helikopter fuq vjaġġ ta’ ftit aktar minn siegħa li jwasslu f’Bari għal ħabta tat-8.15am. fejn ikun milqugħ mill-Arċisqof Francesco Cacucci; il-President tar-Reġjun tal-Puglia; il-Kap tal-Pulizija u s-Sindku tal-belt.

Il-Papa jittieħed fil-Bażilika ta’ San Nikola fejn jibdew jaslu wkoll il-Patrijarki li se jieħdu sehem miegħu f’din il-laqgħa storika. Il-Papa jilqagħhom wieħed wieħed fuq iz-zuntier tal-knisja filwaqt li kull wieħed jibqa’ dieħel quddiem il-presbiterju u l-Papa jidħol l-aħħar wieħed u jsellem lill-membri tal-komunità tal-Patrijiet Dumnikani.

Hawnhekk il-Patrijarki akkumpanjati mill-Papa jinżlu fil-kripta tal-knisja biex iqimu l-fdalijiet ta’ San Nikola u jixegħlu xama waħda flimkien.

Il-Papa u l-Patrijarki mbagħad jirkbu Pullman li se teħodhom fi pjazza kbira li hemm f’xatt il-baħar u hemmhekk jitolbu flimkien u mal-poplu preżenti għal madwar siegħa. Wara jirritornaw lejn il-Bażilika.

Fil-11.00 am il-Papa u l-Patrijarki jkollhom laqgħa ta’ djalogu fil-magħluq biex sagħtejn wara jkunu l-mistiedna tal-Arċisqof għal pranzu flimkien.

Għal ħabta tat-3.30 pm il-Papa Franġisku jsellem lill-mexxejja reliġjużi li jkunu ħadu sehem fil-laqgħa, kif ukoll lill-awtoritajiet tal-belt ta’ Bari u jerġa’ jieħu l-ħelikopter biex jirritorna l-Vatikan.