Laqgħa dwar il-kura Pastorali f’Ħabsijiet Kattoliċi

Il-kura pastorali fil-ħabsijiet hi importanti ħafna

Id-Dikasteru għall-Promozzjoni tal-Iżvilupp Integrali Uman organizza laqgħa internazzjonali dwar il-Kura Pastorali f’Ħabsijiet Kattoliċi li għaliha attendew Kappillani u rappreżentanti ta’ organiżazzjonijiet li joffru servizzi lill-priġunieri u membri tal-Konferenzi Episkopali mill-ħames kontinenti.

Il-Konferenza ddiskutiet problemi u karatteristiċi tal-kura pastorali fil-ħabsijiet Amerikani, Afrikani, Asjatiċi, Ewropej u fl-Oċeanja u wara l-parteċipanti kellhom udjenza mal-Papa Franġisku.

Kura Pastorali

Nota maħruġa mid-Dikasteru għall-Promozzjoni tal-Iżvilupp Integrali Uman tgħid li: “F’ħafna knejjes lokali, il-ministeru soċjali ma tantx jingħata attenzjoni u anqas il-kura pastorali fil-ħabsijiet.  Aħna nirrikonoxxu d-diversità tas-sitwazzjonijiet u l-isfidi li trid tiffaċja l-kura pastorali fil-ħabsijiet li tinkludi attenzjoni spiritwali u materjal lill-priġunieri, il-familji tagħhom, lil dawk li servew sentenzi u issa huma ħielsa u l-proċess ta’ rikonċiljazzjoni malvittmi tar-reati.

Ħafna mill-Konferenzi Episkopali u djoċesijiet ipoġġu l-ministeru tal-kura pastorali fil-ħabsijiet mal-ministeru tal-kura soċjali u f’xi każi hemm kummissjonijiet indipendenti.

“Uħud mill-korpi ekklesjastiċi dedikati għal dan is-servizz pastorali, qalu lid-Dikasteru tagħna li għandhom bżonn għajnuna u gwida għall-ħidma importanti tagħhom, speċjalment minħabba d-diversi diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom fix-xogħol li jagħmlu. Fost l-akbar sfidi hemm in-nuqqas ta’ appoġġ minn komunitajiet djoċesani lil dawn l-aħwa fil-bżonn.

Opportunità

“Għalhekk nemmnu li din il-laqgħa tagħti opportunità biex jiltaqgħu persuni differenti responsabbli għal dan il-ministeru pastorali biex tinħoloq katina stabbli u progressiva bejn dawk involuti fil-ħidma pastorali fil-ħabsijiet madwar id-dinja. 

“Barra minn dan insiru nafu aktar dwar is-sitwazzjonijiet attwali u l-ħtiġijiet tal-kura pastorali fil-ħabsijiet fid-diversi pajjiżi. Nitgħallmu minn xulxin dwar kif sħabna qed jiffaċċjaw dawn l-isfidi u nsiru nafu b’inizjattivi li qed jittieħdu u nipproponu inizjattivi ġodda  ta’ talb u solidarjetà favur il-priġunieri u l-vittmi tal-vjolenza”.