Laptops, kameras, strumenti tal-mużika u flus jinsterqu minn skejjel

Read in English.

Diversi oġġetti bħal laptops, kameras, strumenti tal-mużika u anke flus insterqu minn skejjel varji tal-Gvern bejn l-2013 u Mejju tal-2020.

Dan qalu l-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici fil-Parlament wara li poġġa dokument bid-dettalji ta’ dan fuq il-mejda tal-kamra. Hu kien qed iwieġeb mistoqsija tad-deputat Ivan Bartolo.

Is-serq sar minn diversi kulleġġi madwar Malta u Għawdex. B’kollox matul dawn is-snin kien hemm 35 serqa. L-aktar sena li fiha kien hemm serq minn skejjel kienet l-2017 fejn kienu saru 12-il serqa. Intant, l-inqas sena li rat serqiet kienet l-2014 fejn kienu rrappurtati biss żewġ serqiet. Fl-2015 kien hemm erbgħa serqiet, fl-2016 kien hemm ħamsa, fl-2018 kien hemm sebgħa, fl-2019 kien hemm tlieta u sa Mejju tal-2020 kien hemm sitta.

L-aktar kulleġġ li kellu serqiet kien il-Kulleġġ San Tumas More, fejn kien hemm 13-il serqa. Fl-2015 insteraq projector mill-iskola Primarja A tal-Fgura. Fl-2016 insterqu aktar minn €400 kif ukoll ammont mhux mgħadud mill-piggy banks tal-istrina mill-iskola Primarja B taż-Żejtun.

Fl-2017 kien hemm erba’ serqiet mill-iskola Primarja ta’ Ħal Taxien fejn insterqu ċwievet tal-uffiċini, €363 fi flus kontanti, €90.52 f’ċekkijiet, żewġ DVD Camcorders li kienu jiswew mal-€400, kamera professjonali li kienet tiswa mal-€400, kamera diġitali li kienet tiswa mal-€100 u tliet tablets. Kien spjegat li fl-ewwel każ ma kien sar l-ebda serq iżda kienet saret ħsara minima fuq żewġ bibien tal-klassijiet. Fl-istess sena kien hemm żewġ serqiet mill-iskola medja ta’ Ħal Tarxien fejn insterqu flus, kamera diġitali, external hard disks, fidget spinners, laptop, mobile u pendrive. Fl-2018 kien hemm żewġ serqiet mill-Malta Visual and Performing Arts fejn insterqu flus. Kien hemm serq ta’ flus ukoll fl-2018 mill-iskola Primarja B taż-Żejtun u l-iskola Sekondarja taż-Żejtun. Fl-2020 insterqu żewġ roti ta’ mutur tal-ħart mill-iskola Primarja ta’ Marsaxlokk.

Mill-Kulleġġ San Ġorġ Preca kien hemm disa’ serqiet. Fl-2014 insterqu flus, kamera, laptop, external hard drive u monitor tas-CCTV mill-iskola Primarja tal-Pietà. Mill-istess skola, fl-2016 kien hemm żewġ serqiet u nsterqu batteries, safety jackets u flus. Fl-2017 insterqu l-laptop ta’ Assistant Kap tal-Iskola mill-iskola Primarja tal-Marsa, mill-iskola Primarja A ta’ Paola nsteraq interactive white board, keyboard, mouse u xi oġġetti oħra, mill-Middle School tal-Blata l-Bajda saru xi ħsarat varji, u mill-iskola Sekondarja tal-Ħamrun insteraq xi monitor minn kuritur. Mill-middle school tal-Blata l-Bajda kien hemm aktar serqiet hekk kif fl-2018 insteraq wallet ta’ għalliema minn ġo klassi u fl-2019 insteraq kompjuter.

Mill-Kulleġġ ta’ Santa Klara kien hemm ħames serqiet. Fl-2015 kien hemm dħul fl-iskola Primarja tal-Gżira fejn kien tkisser xi ħġieġ u l-ħalliel kien inqabad. Kien hemm żewġ każi oħrajn bl-istess mod u fl-istess skola fl-2020. Fl-2020 ukoll kien hemm serq ta’ petty cash mill-iskola Primarja ta’ Tas-Sliema u nqabad il-ħalliel li kien l-istess wieħed tal-Gżira. Fl-2019 kien hemm serq ta’ flus mill-canteen tal-iskola Sekondarja ta’ Pembroke.

Imbagħad, mill-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli fl-2015 kien insteraq projector, fl-2019 insteraq viola (strument mużikali) mill-MVA College u fl-2018 kien insteraq oscilloscope (apparat xjentifiku) minn Sir MA Refalo.

Is-serq mill-Kulleġġ ta’ Għawdex seħħ fl-iskola sekondarja din is-sena stess. Minn hemm kien hemm serq ta’ żewġ laptops.

Mill-iskola sekondarja ta’ Ħad-Dingli, li tagħmel parti mill-Kulleġġ San Nikola, insterqet kennel tal-klieb fl-2017. Intant, mill-iskola sekondarja ta’ Ħal Kirkop fl-2020 insteraq mobile ta’ studenta fejn il-każ qiegħed għand il-pulizija.