Laptop wieħed jista’ jniżżel ajruplan

Studju ġdid tal-Gvern Amerikan juri li laptop wieħed li jkun saħan iżżejjed jista’ jniżżel ajruplan. In-nar mill-batterija tal-laptop li jkun għadda mal-bagalji, huwa qawwi biżżejjed biex ma jiġix ikkontrollat mis-sistema tal-ajruplan għal kontra n-nar.

L-ajruplan jista’ jinħakem malajr mill-fjammi jekk in-nar mil-laptop jingħaqad ma’ materjal ieħor li jieħu n-nar u li hu komuni f’affarijiet li jinġarru fil-bagalji, fosthom il-gass f’bott tad-deodorat jew tal-kosmetiċi.

Ir-riċerka turi l-perikli tal-batteriji lithium li jintużaw f’għadd ta’ gadgets, fosthom fil-logħob u fl-ismartphones. L-Assoċjazzjoni tal-bdoti (ALPA), l-ikbar unjin tal-bdoti fl-Istati Uniti bħalissa qed tiddibatti jekk għandhiex tirrakomanda li oġġetti li jitħaddmu bil-batterija, bħal laptops u tablets, għandhomx jitneħħew minn ġol-bagalji meta jiddaħħlu fil-parti t’isfel tal-ajruplan. Filwaqt li l-batteriji tal-lithium jitqiesu relattivament siguri, ġew rapportati każi fejn dawn jisplodu minħabba difetti.

L-istudju sab li l-gass halon ta’ kontra n-nirien li f’każ ta’ nar joħroġ fis-sezzjonijiet tal-cargo tal-ajruplan, ma kinex biżżejjed biex jitfi n-nar minn batterija tal-lithium. Fil-fatt, filwaqt li l-gass seta’ jwaqqaf in-nar milli jinfirex għall-kartun li kien fil-qrib, ma setax iwaqqaf bottijiet bil-gass fihom milli jisplodu.