Laptop Daphne: Jgħid li l-Maġistrat Vella naqas serjament f’xogħlu; jitlob azzjoni ġudizzjarja

Jeffrey Pullicino Orlando, Ċermen tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST), qal li kien nuqqas serju min-naħa tal-Maġistrat Anthony Vella li ma tax każ it-talba tal-Pulizija biex jitlob lill-familja Caruana Galizia tagħtih il-laptop li kienet qed tuża l-ġurnalista sa qabel inqatlet.
F’ittra miftuħa li bagħat lill-President ta’ Malta, li hi wkoll iċ-Ċermen tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja, Pullicino Orlando qal li l-laptop li, fi kliemu, il-familja Caruana Galizia qed iżżomm, hu għajn ta’ informazzjoni kruċjali għall-każ tal-assassinju tagħha, liema każ Pullicino Orlando qal li xxokkja lill-pajjiż kollu.
Mindu l-ġimgħa l-oħra f’waħda mis-seduti fil-każ tal-assassinju tal-ġurnalista, li qed jippresjedih il-Maġistrat Vella, instema’ li l-espert li qed jevalwa l-laptop li għandha l-Pulizija intuża l-aħħar fl-2015, qamet il-kwistjoni tal-laptop.
F’seduti minn qabel il-Qorti, l-Ispettur Kurt Zahra kkonferma li l-Pulizija ma sabet ebda traċċa ta’ laptops jew tablets fix-xena tad-delitt.
Minħabba f’hekk fl-aħħar jiem kien hawn ukoll inizjattiva minn xi nies, li waħħlu strixxuni fit-toroq jistaqsu min għandu l-interess jaħbi l-laptop tal-ġurnalista.
F’rapport li deher fil-ġurnal Malta Today, intqal li l-Maġistrat Anthony Vella, li qed jieħu ħsieb il-każ dwar il-qtil tal-ġurnalista, filwaqt li kkonferma li l-Pulizija talbitu jieħu l-pussess tal-laptop u l-informazzjoni li kien hemm fih, ma setax iwieġeb jekk staqsiex lill-familja Caruana Galizia biex jagħtuhulu.
Iben il-ġurnalista, Matthew Caruana Galizia, kien qal li kieku għandu l-laptop t’ommu, jaħarqu, iżda f’rapport separat il-ġurnal One News ikkwota lill-MaltaToday, meta qal li oħt il-ġurnalista, Corinne Vella, ikkuntradixxiet lil Matthew, meta qalet li l-laptop li użat il-ġurnalista sa qabel inqatlet jinsab għand il-familjari.