“Lanqas pandemija ma twaqqafna nitkellmu” – iż-żgħażagħ fil-Parlament

Sena differenti għall-Parlament Nazzjonali taż-Żgħażagħ

Il-President tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ Chiara Vassallo qalet li lanqas pandemija mhi se twaqqafhom jitkellmu filwaqt li saħqet li ż-żgħażagħ m’għandhom iħallu lil ħadd iwaqqafhom milli jsemmgħu leħinhom. Hija qalet dan fl-attività ewlenija tal-Kunsill li huwa l-Parlament Nazzjonali taż-Żgħażagħ.

Għal sena oħra ittella’ l-Parlament Nazzjonali taż-Żgħażagħ iżda din id-darba b’mod virtwali minħabba s-sitwazzjoni tal-pandemija tal-coronavirus. Din kienet it-18-il edizzjoni tal-Parlament taż-Żgħażagħ.

Chiara Vassallo fakkret kemm kien hemm proposti li ġew ippreżentati waqt il-Parlament Nazzjonali taż-Żgħażagħ matul is-snin li ġew implimentati, bħal Vot Sittax u d-Dikjarazzjoni ta’ Emerġenza Klimatika.

It-tibdil minn snin oħra

Min-naħa tagħha, il-koordinatriċi tal-KNŻ għal dan il-proġett Kristina Filletti spjegat li għal din is-sena il-KNŻ iddeċida li jagħmel ftit tibdiliet fl-istruttura mis-snin ta’ qabel.

Kien hemm seduta waħda b’erba’ temi fejn l-applikanti bejn 14 u 35 sena kollha ħadmu flimkien. Dawn huma l-immigrazzjoni, l-effetti ekonomiċi wara l-pandemija tal-Covid-19, iżjed opportunitajiet għaż-żgħażagħ fl-isport u fl-arti u l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-politika.

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Clifton Grima ħabbar li qed jiġi mġedded iż-żmien tal-konsultazzjoni pubblika għall-Politika Nazzjonali dwar iż-żgħażagħ. Dan sar sabiex jintlaħqu iżjed żgħażagħ u sabiex l-eżitu tal-punti diskussi fil-Parlament Nazzjonali taż-Żgħażagħ ikunu wkoll ikkunsidrati meta tkun qed tiġi mfassla l-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia tenna l-pjaċir tiegħu li għal sena oħra, matul din l-edizzjoni tal-Parlament taż-Żgħażagħ, il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ qed jagħti l-opportunità liż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin sabiex flimkien jiddiskutu suġġetti varji sabiex jitressqu proposti konkreti fl-interess ta’ pajjiżna.