“Lanqas nidħlu u noħorġu mid-dar ma nistgħu” – iż-Żebbuġin jilmentaw

Numru ta’ residenti ta’ Ħaż-Żebbuġ ilmentaw bil-kaos fi Vjal il-Ħelsien, waħda mit-toroq prinċipali tar-raħal, li hu ta’ xkiel u periklu għar-residenti.

Fi grupp tar-residenti ta’ Ħaż-Żebbuġ, kienu bosta dawk li gergru dwar il-ġenn u l-ipparkjar bl-addoċċ tal-karozzi f’din it-triq.

Omm ta’ tarbija lmentat dwar kif issibha diffiċli biex toħroġ minn u tidħol fil-garaxx tagħha peress li ħafna drabi, dan ikun imblukkat minn karozzi li jipparkjawu sakemm jagħmlu xi qadja.

L-istess problema ffaċċjata mara oħra li toqgħod f’din it-triq, li lmentat li lanqas tista’ tipparkja quddiem il-garaxx tagħha stess, jew tidħol fil-garaxx, sabiex iddaħħal ix-xirja ġod-dar.

Il-problema tidher li ġejja mill-fatt li minħabba li t-triq hi miżgħuda bi ħwienet diversi, hi pjuttost impenjata tul il-ġurnata, u għalhekk il-parkeġġ hu skars għan-numru ta’ residenti u nies li jżuruha. Dan iwassal biex in-nies jipparkjaw fuq linji sofor, ġieli anke f’kantuniera, pożizzjoni perikoluża għaliex ma tħallix lis-sewwieqa l-oħra jaraw sew.

Xi soluzzjonijiet possibbli li ssemmew huma li f’din it-triq, il-parkeġġ ikun bil-ħin, jew li jinfetaħ parkeġġ taħt il-grawnd tal-futbol ftit ’il bogħod.

Ir-residenti jixtiequ li tinstab soluzzjoni għal din il-problema, li aktar ma jmur, aktar qed tiggrava.