Lanqas missek staqsejtha din id-domanda – Il-PM lil Thake

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-pariri li hu ta lill-Kabinett tal-Ministri u lill-predeċessur tiegħu Joseph Muscat, bejn Ġunju 2017 sa Jannar 2020, kienu ta’ natura privileġġjata u kunfidenzjali u mistoqsijiet dwar dan m’għandhomx isiru.

Mistoqsi mid-deputat Nazzjonalista David Thake, il-Prim Ministru Abela wieġeb li “għalhekk il-prudenza u l-etika kienet titlob li mistoqsija parlamentari bħal din lanqas biss issir, inkwantu qed jintalab l-iżvelar ta’ pariri li bil-liġi hu prekluż milli jiġu żvelati, u kieku jiġu żvelati tkun qed tinkiser il-liġi”.

Abela qal li kif kien imħabbar f’Ġunju 2017, hu kien irrinunzja għall-ħlas ta’ dak dovut lilu bħala konsulent legali tal-Prim Ministru u tal-Kabinett.

Il-Prim Ministru Robert Abela baqa’ ma rċieva ebda ħlas għax-xogħol kollu li għamel f’dan l-irwol sakemm baqa’ konsulent legali tal-Prim Ministru, jiġifieri sal-bidu ta’ Jannar 2020.