Filmat: “Lanqas kont kapaċi nqum nagħmel belgħa te”

Mara li tgħix ġor-residenza tal-Little Sisters of the Poor fil-Ħamrun irrakkuntat kif meta waslet f’punt li tant kienet mardet li lanqas felħet tagħmel tazza te, is-sorijiet laqgħuha fi ħdanhom u tawha l-għajnuna kollha.

Hi u titkellem ma’ Newsbook.com.mt, Mary Pace irrakkuntat kif għaddiet minn perjodu diffiċli ħafna f’ħajjitha u minħabba li hija xebba u kienet tgħix waħedha, daħlu għaliha l-Little Sisters of the Poor. Ilha tgħix fir-residenza għal aktar minn erba’ snin u meta ġiet mistoqsija dwar kif tħossha tgħix f’din id-dar, insistiet li tinsab kuntenta ħafna. Spjegat li r-residenza dejjem nadifa, jorganizzawlhom ħafna affarijiet anke fi żmien il-festi u jħalluhom fil-libertà li jkomplu ħajjithom. Pace sostniet li għaliha r-residenza hija ħafna aħjar minn lukanda.

Ir-residenza tal-Little Sisters of the Poor tilqa’ fiha anzjani li għandhom aktar minn 60 sena u jkollhom pensjoni tant baxxa li ma jkunux jistgħu jibqgħu jgħixu ħajja dinjituża.

Skont Sor Anastasia r-residenti tagħhom japprezzaw sal-inqas ħaġa li tagħmel magħhom u l-kelma “grazzi” dejjem ħierġa minn fommhom. Qalet li dawn in-nies jafu xi jfisser meta ma jkollok xejn.

“Lil Alfred wegħduh ħafna rigali; ma rċieva xejn”

Jekk tixtieq tgħinhom tista’ tasal wasla sar-residenza inti stess jew inkella ċċempel fuq 2124 6630.