Lanqas jgħaddu jumejn…attakk qattiel ieħor f’Kabul

Wara wieħed mill-agħar attakki fl-aħħar xhur f’Kabul is-Sibt li għadda, lanqas għaddew jumejn li militanti m’attakkawx post ieħor fil-kapitali Afgana, li sa issa ħalla 2 suldati mejtin.
L-attakk jinsab għaddej bħalissa stess f’bażi tal-armata qrib akkademja militari.
Mill-ewwel rapporti jidher li 5 militanti wettqu l-attakk, imma 3 minnhom diġà nqatlu.
It-tnejn l-oħra wieħed minnhom ġie arrestat, u l-ieħor għadu qed jikkumbatti.
L-attakk beda għall-ħabta tal-5am ħin t’hemmhekk, li jiġi għas-1.30am ħin Malti, xħin instemgħu għadd ta’ splużjonijiet u sparaturi fil-bażi militari tal-Armata Nazzjonali Afgana.
Il-militanti Iżlamisti kienu armati sa snienhom bi grenades li jistgħu jiġu sparati b’rokits apposta.
Sadanittant, kelliem għall-President qal li ebda wieħed mill-aggressuri ma rnexxielu jgħaddi aktar mill-ewwel grada ta’ dil-bażi militari.
Dil-bażi tinsab qrib l-Università tad-Difiża Nazzjonali, li kienet attakkata f’Ottubru li għadda meta ħallew ħajjithom 15-il student militari huma u ħerġin mill-università f’minibus.
Din l-università ssegwi mill-qrib il-mudell Brittaniku.
Fl-attakk tas-Sibt li għadda, wieħed mill-agħar, bomba nħbiet f’ambulanza u l-aggressuri rnexxielhom jidħlu ’l ġewwa bl-iskuża li jridu jwasslu pazjent fi sptar.
Kważi 100 mietu fl-isplużjoni li wettqu t-Talibani.
Kemm dawn kif ukoll l-Istat Iżlamiku intensifikaw l-attakki viljakki tagħhom fl-aħħar xhur f’dil-belt.
Fir-ritratt: Uffiċjali jagħlqu triq qrib fejn seħħ l-attakk