Lanqas il-politiċi mhuma kuntenti bil-proġett fiċ-ċentru ta’ Malta

Photo: Archives

Il-Partit Demokratiku u l-Alternattiva Demokratika reġgħu qajjmu t-tħassib tagħhom dwar il-proġett tas-Central Link, bir-residenti ta’ Ħ’Attard u ċ-ċiklisti Maltin jopponu formalment l-istess proġett.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Ħ’Attard iċ-Ċerpersin tal-Alternattiva Demokratika Carmel Cacopardo spjega li se tiġi ppreżentata oġġezzjoni lill-Awtorità tal-Ippjanar dwar it-toroq li se jinbnew f’Ħ’Attard, inkluż minn fuq raba’ saqwi.

Cacopardo qal li “l-proposta li qed tiġi deskritta bħala ‘schemed road’ mhix korretta. Fil-fatt il-pjan lokali jsemmi ‘local road’ u mhux it-triq prinċipali jew il-bypass li hija proposta. Fi ftit kliem, il-proposta tmur kontra il-pjan lokali. Ninnotaw ukoll li l-istudju tal-impatti ambjentali (EIA) għad irid isir.”

Cacopardo spejga li l-proposta tal-bypass tmur kontra wieħed mill-għanijiet imsemmija fil-Pjan Strateġiku dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp (SPED) li jgħid li hemm bżonn aktar integrazzjoni tat-trasport pubbliku u mhux il-bini ta’ toroq ġodda. Cacopardo qajjem ukoll it-tħassib tiegħu dwar il-biedja minħabba l-ammont kbir ta’ art li se tittieħed.

Il-proġett sar b’nuqqas ta’ ppjanar – AREN

F’konferenza tal-aħbarijiet konġunta mal-Alternattiva Demokratika, l-Attard Residents Environmental Network (AREN) qalet li qed jippreżentaw ir-rappreżentazzjonijiet tagħhom lill-Awtorità tal-Ippjanar biex jopponu l-qerda tal-ambjent. Qalu li dan il-proġett sar b’nuqqas ta’ ppjanar u nuqqas ta’ konsultazzjoni li se jwasslu “għall-ikbar diżastru ambjentali”.

Ir-residenti spjegaw li dan kollu jista’ jiġi evitat jekk ikun hemm rieda tajba min-naħa tal-Ministeru għat-Trasport. Żiedu jgħidu li dawn il-proposti hemm bzonn li jitwettqu qabel ma tibda is-sena skolastika l-gdida.

“Madanakollu, dawn il-proposti ġew integrati u marbuta mal-permess tal-progett kollu kif inhu. U jidher li dan sar, biex fl-ewwel lok, tintlewa id ir-residenti ta’ Ħ’Attard u jċedu għall-pressjoni li qed issir. U fit-tieni lok, biex tinghata l-impressjoni qarrieqa li l AREN qed tipprova ixxekkel il-hidma biex tissolva l-problema tat -traffiku f’ H’Attard” komplew jgħidu r-residenti.

Periklu għaċ-ċiklisti – BAG

Il-Bicycle Advocacy Group (BAG) qal li l-karreġjati tar-roti mhumiex komplutli u li għalhekk mhumiex siguri għal min juża r-rota. Il-grupp spejga li ilu f’diskussjonijiet mad-disinjaturi tal-proġett għal dawn l-aħħar xahrejn.

“Kareġġjati tar-roti li ma jkomplux jinsabu f’dak li hemm propost mar-roundabout tal-MFSA, mal-junction ta’ San Anton, Triq Ħal-Warda sa’ Ħaż-Żebbuġ, ir-roundabout tal-Pitstop u l-junction f’Ta’ Qali, u r-roundabout tar-Rabat” skont il-BAG.

Madanakollu, iċ-ċiklisti qalu li wara li Infrastructure Malta ssottomettiet pjanijiet ġodda lil Awtorita tal-Ippjanar f’Lulju, in-nuqqas ta’ network bażiku għar-roti ppersista. Saħqu li kull infrastruttura għar-roti għandha tkun dejjem diretta u aċċessibli b’mod sigur kemm jista jkun.

Minħabba n-nuqqas ta’ komunikazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet, il-BAG ħasset li ma kellhiex għażla oħra ħlief li tissottometti oġġezzjoni lill-Awtorità tal-Ippjanar bin-nuqqasijiet tal-proġett.

Hemm bżonn proġett ta’ dan it-tip – PD

Il-Partit Demokratiku qal li hemm kunsens li hemm bżonn xi tip ta’ Central Link Project. Dan biex jonqos l-ammont ta’ traffiku li qed jgħaddi minn Ħ’Attard.

Però, il-Partit qal li l-proġett jieħu forma differenti minn dik li Infrastructure Malta qed tipproponi bħala objettivi ta’ bypass biex jonqos it-traffiku.

Fi kliem il-PD hemm bżonn bypass ta’ erba’ karreġġjati li tkun il-fuq mill-art.

Wara xhur nisimgħu b’oppożizzjoni għall-proġett Central Link, u lmenti qatigħ, jidher illi mhux ir-residenti kollha tal-madwar huma kontra dan il-proġett. Il-Malta Automobile Club beda petizzjoni favur il-proġett Central Link, għaliex skontu, dal-proġett hu mistenni li jnaqqas in-numru ta’ karozzi li jgħaddu mill-qalba tar-raħal, u għalhekk jonqos it-traffiku.