Filmat: “Lanqas għadek tista’ tgħix f’Malta bit-tniġġis fl-arja” – PN

Jason Azzopardi, il-Kelliem għall-Oppożizzjoni dwar l-Ambjent, qal li wieħed lanqas għadu jista’ jgħix f’Malta minħabba t-tniġġis fl-arja, u ddeskriva lill-pajjiż bħala “unlivable.” Qal li l-Gvern m’għandux pjan għall-ambjent, mentri l-Partit Nazzjonalista elenka punti validi għat-titjib ambjentali fil-manifest elettorali tiegħu.

F’konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista ġie diskuss l-ambjent vis-à-vis il-popolazzjoni dejjem tiżdied, il-karozzi dejjem jiżdiedu fit-toroq u għalhekk, it-tniġġis fl-arja. Azzopardi qal li huma qegħdin jitkellmu fuq il-fatti skont ma juru rapporti statistiċi tal-Eurostat u tal-Uffiċċju Nazzjonali għall-Istatistika (NSO). Qal ukoll li l-Euronews saħansitra sejjaħ lil Malta “the dirty man of Europe,” peress għandha l-agħar kwalità ta’ arja u l-agħar riċiklaġġ tal-iskart.

“600 persuna qed imutu minħabba t-tniġġis tal-arja” – PN

Intqal mill-Partit Nazzjonalista li l-Gvern u l-ambjent huma “inkompatibbli.” Azzopardi rrefera wkoll għad-dibattitu bejn il-Mexxej tal-PL Joseph Muscat u l-Kap tal-PN Adrian Delia, li fih, Delia staqsa lil Muscat jekk jafx Malta kemm tiflaħ nies joqogħdu fiha, peress li n-numru tal-popolazzjoni qed isir wieħed allarmanti.

“Ix-xogħol fix-xemx nagħtuh lill-barranin” – Muscat; “M’hemmx inkjesta dwari” – Delia

Il-konferenza ġiet indirizzata wkoll mill-kandidat għall-Parlament Ewropew f’isem il-PN Michael Briguglio, li qal li hemm differenza kbira bejn kemm jagħtu prijorità lill-ambjent il-PL u l-PN, peress li l-PN għandu pjan ċar u tanġibbli għall-ambjent u l-PL le. Dan jidher, qal Briguglio, mill-manifest elettorali tal-PN li ġie approvat fil-Kunsill Ġenerali tal-Partit il-ġimgħa li għaddiet wara diskussjoni u riċerka, mentri għall-manifest, il-PL ħareġ “fuljett” wara l-Konferenza Annwali Straordinarja. Briguglio qal li għandu d-dubji tiegħu dwar min iddeċieda dwarhom u min ivvota għalihom peress li l-PL tkellem dwarhom wara l-Kunsill Ġenerali.

“Ftehim sigriet mill-Gvern; €180,000 fis-sena minflok innaqqsu t-tniġġis”

Fost il-proposti tal-PN għall-ambjent, hemm l-immaniġġjar tajjeb tal-Magħtab u tal-faċilità tal-iskart f’Sant’Antnin, peress li llum il-ġurnata jkun hemm irwejjaħ jintnu fl-akkwati, skont Briguglio.