“Lanqas fiż-Żimbabwe ma jagħmlu bħal Abela” – espert legali

Espert legali qal ma’ Newsbook.com.mt li lanqas f’pajjiż bħaż-Żimbabwe ma l-Prim Ministru jagħti permess lilu nnifsu biex iżomm u jaqla’ l-flus minn xogħol privat. Dan fid-dawl ta’ dak li qal Dr Robert Abela, li bejn is-Sibt u l-Ħadd li ġej jista’ jiġi elett bħala l-Mexxej Laburista ġdid u Prim Ministru ta’ Malta.

Dr Abela qal mal-MaltaToday li jekk isir Prim Ministru, filwaqt li jirriżenja mid-ditta legali tiegħu Abela Advocates, il-kumpanija tiegħu mhux se twarrab ix-xogħol li għandha mal-Awtorità tal-Ippjanar. Saħaq li lanqas mhu se jċaħħad lill-kumpanija mid-dritt li tingħata xogħol mill-Gvern.

Ma’ Newsbook.com.mt l-espert legali stqarr li skont il-Kodiċi ta’ Etika kif aġġornat mill-Gvern Laburista, Prim Ministru jista’ jagħti permess lil membru tal-Kabinett li jkollu kumpanija qabel sar Ministru, li jibqa’ jkollu dħul mill-istess kumpanija iżda l-ammont ikun iffissat minn qabel. Il-Prim Ministru jista’ ma jagħtix permess. Madanakollu saħaq li mhux etiku li l-Prim Ministru jagħti permess lilu nnifsu biex iżomm ix-xogħol. Stqarr li dan lanqas f’pajjiż bħaż-Żimbabwe ma jsir.

“L-importanti li ma jkunx hemm kunflitt ta’ interess”

Abela, li jmexxi l-kumpanija ma’ martu Dr Lydia Abela, li hija wkoll is-Segretarja tal-Eżekuttiv tal-Partit Laburista, spjega mal-Maltatoday li huwa rrelevanti jekk kumpaniji jkunux immexxija minn persuni b’tendenzi Laburisti jew Nazzjonalisti, “għax kulħadd għandu dritt jaħdem”.  Saħaq li l-importanti hu li ma jkunx hemm kunflitt ta’ interess. Fl-istess waqt fisser li martu għandha kull dritt li taħdem anke f’każi ta’ konsulenzi għall-Gvern.

Id-ditta legali ta’ Robert Abela ilha mill-2001 tagħti servizz legali lill-Awtorità tal-Ippjanar wara li l-Awtorità kienet ippubblikat ‘espressjoni ta’ interess’.

Wara li tela’ l-Partit Laburista fil-Gvern l-istess ditta ngħatat ammonti ta’ direct orders, meqjusa minn diversi bħala esaġerati, għal servizzi legali lil entitajiet pubbliċi. Dan ġie kkritikat minn ħafna peress li Abela, wara l-elezzjoni tal-2017 kien inħatar bħala Konsulent tal-Prim Ministru bid-dritt li jidħol għal-laqgħat tal-Kabinett.

Fl-2019, pereżempju, id-ditta ta’ Abela ngħatat b’direct order is-somma ta’ €130,000 mill-Ministeru ta’ Josè Herrera. Id-ditta qalgħet ukoll aktar minn €32,000 mill-Ministeru għat-Turiżmu għal servizzi ta’ konsulenza. Dawn iċ-ċifri kienu ħarġu fi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi.

Il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia kienet kitbet kemm-il darba dwar xogħol li ngħata lill-kumpanija ta’ Robert Abela. Dawn jinkludu:

  • Fl-2014 ingħata kuntratt biex ikun l-avukat tal-Air Malta
  • Fl-2017 l-ARMS ħallset €67,000 lil martu Lydia permezz ta’ direct order.