Lanċa se toħroġ għall-koppja Maltija fuq cruiseliner

Read in English.

Transport Malta se torganizza trasport għaż-żewġ anzjani li jinsabu fuq il-cruiseliner Colombus.

Il-Gvern qal li dan se jsir permezz ta’ lanċa li toħroġ għall-koppja meta l-cruiseliner ikun qed jieħu l-fuel 20 mil ’il bogħod minn Malta. Il-ħaddiema u l-baħħara involuti se jkunu lebsin l-ilbies protettiv kollu meħtieġ bħala prekawzjoni.

Iż-żewġ anzjani ta’ 70 sena se jidħlu Malta mingħajr ma jitħalla jidħol fil-portijiet tagħna l-cruiseliner li jinsabu fuqu u li se jaqbad triqtu lejn l-Ingilterra. Huma kienu bagħtu ittra lill-Professur Charmaine Gauci biex tintervjeni biex huma jiġu Malta minħabba li qalu li fl-Ingilterra jistgħu jkunu aktar esposti għall-coronavirus.

Fi stqarrija l-Gvern qal li d-deċiżjoni ttieħdet mill-Prim Ministru Robert Abela flimkien mal-Ministru Ian Borg u mas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci.

Malli jaslu f’Malta ż-żewġ anzjani, li jbatu minn kundizzjonijiet mediċi kroniċi u meqjusa wkoll bħala persuni vulnerabbli, se jinżammu fi kwarantina obbligatorja.