​Laħqu saqu bil-karozza malli raw il-baħar qawwi

Il-Pulizija ikkonfermat li ż-żewġ persuni li lbieraħ kienu f’karozza griża qrib il-breakwater ta’ Sant’Iermu, laħqu telqu minn fuq il-post malli raw li l-baħar kien qawwi. 
Dan ġie konfermat meta tard lbieraħ filgħaxija, raġel li kien fil-karozza mar l-Għassa tal-Pulizija biex jinfurmahom li saqu mal-ewwel minn fuq il-post.
Għall-ewwel kien maħsub li din il-vettura bil-persuni fiha, setgħet tkaxkret il-baħar meta xi ħadd lemaħ il-karozza u rrapporta l-każ lill-Pulizija.
Il-Pulizija qalet li t-tfittxijiet waqfu ladarba ġie kkonfermat li l-vettura ma kinitx tinsab fil-baħar.
Ilbieraħ kienu nbdew it-tfittxijiet fl-inħawi mill-Pulizija, bl-għajnuna tal-membri tal-Protezzjoni Ċivili kif ukoll tal-Forzi Armati ta’ Malta.

Ritratt: AFM