Filmat: “Laħqet mietet qabel rajtha” – Malti dwar tifla li kien imantni fil-Gwatemala

Roger Waters, Malti li beda jgħin lil Fr José Camilleri bil-missjoni fil-Gwatemala, qasam esperjenza personali ma’ Newsbook.com.mt dwar tifla li kien imantni fil-Gwatemala li ma laħaqx iltaqa’ magħha.

Barra mill-kelba li mititlu Lala, u l-kelb li ġab issa, Red, Waters kellu wkoll “bint” oħra, tifla mill-Gwatemala li kien jibgħat xi flus għas-saħħa u s-sostenn tagħha. Qal li għajnejha kellmuh, u kien hawn li ddeċieda li jibda jmantniha. Delcy kienet marida, u “sfortunatament u fortunatament, saret anġlu,” irrakkonta Waters. Meta mietet, huwa kien qed jippjana li jmur iqatta’ xahar magħha għall-ewwel darba.

Dan l-att ta’ karità ma kienx biżżejjed għalih, għaliex xtaq jagħmel iżjed, xtaq jibda fondazzjoni li tgħin lil dawn it-tfal bħal Delcy li kienu qegħdin ibatu. Kien hawnhekk li sar jaf bix-xogħol ta’ Fr José li kien fetaħ sptar mix-xejn għan-nies tal-Gwatemala, li wara li kellmu, qallu li peress li hu mdaħħal sew fiż-żmien, jixtieq li Waters ikompli fil-passi tiegħu.

Waters qal li bħalissa qegħdin jaħdmu fuq servizz ta’ ilma għall-isptar, billi jagħmlu panelli solari, għaliex huma m’għandhomx ilma. It-tieni parti tal-proġett għandha tkun riserva tal-ilma. Imbagħad, ‘il quddiem, jixtieq li jaħdmu fuq magna tal-X rays li tkun tista’ tinġarr, minħabba li hemm ħafna nies li jsofru mill-kanċer, u anke dawl.

Waters kien qiegħed jiġbor il-flus għal dawn il-proġetti u għat-tfal fil-Gwatemala f’Dar Betlehem f’Għajnsielem. Bi tbissima fuq fommu, huwa temm jgħid li l-mirakli jiġru waħedhom.

Filmat: Miguela Xuereb