Laħam taż-żwiemel fil-lażanja taċ-ċanga tal-Findus

Lażanja friżata tad-ditta Findus instab li kellha l-laħam taż-żwiemel. Dan meta l-prodott kellu mitkub ċar fuqu “beef lasagne”.

Il-laħam taż-żiemel waħdu ma jagħmilx ħsara jekk jittiekel f’moderazzjoni. It-tħassib huwa dwar droga magħrufa bħala ‘bute’, li tingħata liż-żwiemel, u li tista’ tagħmel ħsara lid-demm tal-bniedem.

Il-lażanja tneħħiet kompletament mis-suq, iżda ma setax jonqos li jqum tħassib serju dwar is-sigurtà fl-ikel. L-aġenzija Ingliża li tieħu ħsieb l-istandards fl-ikel ordnat lil kull bejjiegħ jeżamina l-prodotti kollha li fihom il-laħam proċessat.

Findus hija l-aħħar minn sejre ta’ kumpaniji li naqbdu fil-kontroversja tal-kontaminazzjoni tal-ikel. Dan kellu riperkussjonijiet koroħ fuq kumpaniji fl-Ingilterra, l-Irlanda, l-Polonja u Franza.

Id-direttorat Malti dwar is-saħħa ambjentali qal li s’issa ma daħlet ebda twissija dwar dan il-prodott f’Malta. Is-supretendent dwar is-saħħa pubblika, Dr Ray Busuttil, spjega li meta jkun hemm prodott dubjuż toħroġ twissija li fiha jkun hemm numru ta’ lott partikolari. Dan il-lott seta’ tqassmet f’pajjiżi diversi u jista’ jkun li ma wasalx f’Malta.

Ix-xahar li għadda, spezzjonijiet fir-Renju Unit sabu li kien hemm il-laħam taż-żwiemel b’burgers friżati f’numru ta’ stabilimenti kbar bħal Tesco, Iceland u Lidl.