Lady Gaga u rummiena enormi fil-ftuħ tal-Logħob ta’ Baku

Lady Gaga u rummiena enormi kienu fost il-protagonisti f’ċerimonja spettakolari li tat bidu għall-Ewwel Edizzjoni tal-Logħob Ewropej fil-kapitali tal-Ażerbajġan Baku.
Aktar minn 6,000 atleta minn 50 pajjiż se jkunu qed jieħdu sehem f’dawn il-logħob, li ġew deskritti mill-Kap tal-Kumitat Olimpiku Ewropew Patrick Hickey bħala “mument storiku”.
Kien hemm kontroversja sħiħa dwar id-deċiżjoni li dawn il-logħob isiru fl-Ażerbajġan minħabba ksur ta’ drittijiet umani. L-Ażerbajġan kien l-uniku pajjiż li wera interess biex jospita dawn il-logħob.
Ħafna mill-kritiċi tal-gvern jinsabu l-ħabs filwaqt li uffiċjali ta’ għaqdiet favur id-drittijiet umani lanqas tħallew jidħlu fil-pajjiż.
Madwar 6,000 atleta se jkunu qed jieħdu sehem fosthom atleti Maltin.
Illum it-team nazzjonali Malti tal-waterpolo se jkun qed jilgħab kontra Spanja filwaqt li Danica Bonello Spiteri u Hanna Pace se jkunu qed jieħdu sehem fit-triathlon.