“Laboratorju Żvizzeru jsib li l-kimika li avvelenat lill-eksspija Russu qatt ma saret fir-Russja”

Skont il-Laboratorju famuż ta’ Spiez, fl-Iżvizzera, is-sustanza li intużat biex tavvelena lill-eksspija Sergei Skripal u bintu, jisimha BZ, u qatt ma ġie prodott fir-Russja.
Dan qalu l-Ministru għall-Affarijiet Barranin tar-Russja, Sergei Lavrov, waqt konferenza tal-aħbarijiet li fiha ta dettalji dwar dak li sab dan il-laboratorju li qal li hu indipendenti, u li ħadem b’kampjuni li r-Renju Unit tat lill-OPCW, l-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni tal-Armi Kimiċi.
Jidher li l-labiratorju Żvizzeru bagħat ir-riżultati tiegħu lill-OPCW, iżda tlitt ijiem ilu meta l-istess OPCW ħarġet ir-rapport finali dwar l-avvelenament ma semmietx is-sejba tal-laboratorju Żvizzeru, u lanqas irreferiet għall-isem BZ.
Dil-kimika, minbarra li skont il-laboratorju qatt ma ġiet prodotta fir-Russja, intuża fir-Renju Unit, fl-Istati Uniti u stati oħra fin-NATO.
Ftit wara li seħħ il-każ fil-bidu ta’ Marzu li għadda, ir-Renju Unit mill-ewwel kienet qalet li l-kimika użata hi Novichok, kimika li kienet tiġi prodotta fl-Unjoni Sovjetika.
Madankollu fir-rapprot finali tal-OPCW, lanqas ma jissemma dan l-isem.
Il-każ ta’ Skripal wassal biex ir-Renju Unit, l-Istati Uniti u bosta pajjiżi Ewropej oħra jkeċċu d-diplomatiċi Russi minn pajjiżhom, bir-Russja tagħmel l-istess.
Sadanittant, bint l-eksspija, Yulia Skripal, diġà ħarġet mill-isptar u qiegħda f’qagħda stabbli, filwaqt li l-missier għadu f’qagħda kritika iżda stabbli wkoll.