“La żammejt Chief of Staff korrott inti korrott bħalu” – Busuttil lill-PM

Read in English.

Simon Busuttil, l-eks kap tal-Partit Nazzjonalista, f’diskors fil-Parlament qal li la l-Prim Ministru Joseph Muscat żamm maċ-Chief of Staff korrott, allura hu korrott bħalu.

Filmat: Mhux se nkeċċi lil Schembri – Muscat

Meta kien qed jitkellem waqt il-ħin tal-aġġornament, Busuttil żied jgħid li la l-Prim Ministru ilu jaħbi u jiddefendi lil Keith Schembri allura jqum is-suspett li huwa kompliċi ma’ Schembri li kien se jixxaħħam €5,000 kuljum mill-kumpanija 17 Black ta’ Yorgen Fenech u mill-kumpanija Macbridge li għadu mhux magħruf ta’ min hi.

Busuttil kompla jgħid li Schembri jaf ta’ min hi Macbridge u li allura l-PM kieku jrid, jista’ jsir jaf ta’ min hi. Huwa qal li lbieraħ, ic-Chief of Staff tal-Prim Ministru rrifjuta ħames darbiet l-ordni tal-Qorti biex iwieġeb għax beża’, u biex ma jintbagħatx il-ħabs ċeda l-armi u waqqa’ l-kawża.

17 Black: Keith Schembri jirtira l-libell

Id-deputat Nazzjonalista qal li kieku dan kollu ġara fi kwalunkwe pajjiż tal-Unjoni Ewropea, kieku waqa’ l-Gvern, ġie arrestat iċ-Chief of Staff u ġie interrogat il-Prim Ministru fuq kompliċità talli ilu jiddefendih dan iż-żmien kollu.

Waqqajt il-libell kontra qalbi – Schembri

“Allura d-domanda toħroġ weħidha: Għaliex f’Malta le?” staqsa Busuttil. Huwa qal li dak li ġara lbieraħ fil-qorti kien straordinarju u qatt ma esperjenzah f’20 sena li ilu fil-ħajja pubblika.

Huwa fakkar kif tliet snin u nofs ilu, il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia kixfet li ċ-Chief of Staff u l-Ministru Konrad Mizzi li kienu fetħu kumpanija sigrieta fil-Panama.

“Dan kollu kien wassal biex tissejjaħ dimostrazzjoni l-Belt li fiha jien kont nissilt il-famużi kliem ‘barra, barra’ biex nagħmel referenza għal fatt li kieku kien iċ-Chief of Staff tiegħi kont inkeċċih immedjatament,” spjega Busuttil.

Dan wassal biex fl-1 ta’ April 2016, Keith Schembri kien fetaħ libell kontra Busuttil. Huwa qal li issa li Schembri rtira l-libell, sinjal li dak li qal fuqu, jiġiferi li hu korrott, hu veru.

Huwa qal li Schembri dam sena u nofs biex jitla’ jixhed u meta fl-2017 tela’ jixhed kien propju dakinhar li nqaltet Caruana Galizia, fis-16 ta’ Ottubru. Busuttil qal li fl-aħħar blogg tagħha, Daphne tellgħet blogg propju fuq ix-xhieda ta’ Keith Schembri fejn qalet

“that crook was in court today pleading that he is not a crook”

Busuttil qal li ftit tal-minuti wara, Daphne ħarġet mid-dar biex tmur il-bank għax flusha kienu ffriżati minn Chris Cardona, u nqatlet. “L-assassinju tagħha bidel il-karattru ta’ Malta u tad-demokrazija Maltija, l-affarijiet tbiddlu minn dakinhar,” stqarr Busuttil.

Id-deputat Nazzjonalista qal li Schembri kien mitlub biex jitla’ jwieġeb iżda dam sentejn biex jitla’ għall-kontro-eżami. “Hu tela’ għax il-qorti ordnatlu jitla’ bilfors,” insista Busuttil.

Simon Busuttil qal li l-qorti aġixxiet b’serjetà kbira u nsistiet li tkompli tisma’ l-kawża. Keith Schembri pprova jwaqqaf il-kawża għax qal li jekk iwieġeb jinkrimina lilu nnifsu. “Sinjal allura li għandu għaliex jinkrimina lilu nnifsu,” kompla jinsisti Busuttil. Huwa qal li r-reazzjoni ta’ Muscat tal-bieraħ kienet suspettuża.

“Il-Prim Ministru infixel meta staqsewh ta’ min hi l-kumpanija McBridge. Il-Prim Ministru gideb meta qal li ma jafx ta’ min hi McBridge. Il-Prim Ministru żelaq ukoll meta kien mistoqsi meta ltaqa’ ma’ Yurgen Fenech. Hawn il-Prim Ministru nfixel għax hemm xi ħaġa tinten u qal li ilu xi sena jew sentejn li ltaqa’ ma’ Yurgen Fenech,” qal Busuttil.

Id-deputat Nazzjonalista appella lin-nies biex ma jaqtgħux qalbhom u qal li Daphne kellha l-kuraġġ li tiġġieled il-korruzzjoni.”Lil Daphne qatluha iżda l-verità li kixfet rebħet. Il-verità telgħet f’wiċċ l-ilma; se nibqgħu niġġieldu għall-verità,” temm jgħid Busuttil.

Schembri għandu jitkeċċa – Delia

Filmat: Ian Borg ilaqlaq dwar Keith Schembri