“La tkellimt qabel u lanqas wara” – espert tan-nar

Wieħed minn dawk involuti fil-ħidma tal-ballun il-kbir, li lbieraħ filgħaxija ma ħax fiż-Żurrieq, qal ma’ Newsbook.com.mt li ma xtaqx jikkummenta dwar dak li ġara.

Newsbook.com.mt staqsa x’setgħu kienu l-fatturi li wasslu biex ma nfetaħx il-ballun tan-nar Shell of Shells ilbieraħ filgħaxija fiż-Żurrieq.

Ir-raġel qal li m’għandu xejn xi jgħid dwar x’wassal biex ma nfetaħx il-ballun kif mistenni. Żied jgħid li huwa għażel li ma jgħid xejn qabel ilbieraħ, u lanqas wara għax huwa persuna li dejjem jaħdem fil-kwiet, kemm fit-tajjeb kif ukoll fil-ħażin.

Intant baqgħet evidenti l-arja ta’ delużjoni fost id-dilettanti tan-nar kif ukoll ta’ eluf ta’ persuni li nġabru f’Wied iż-Żurrieq u f’diversi postijiet oħra mal-kosta Maltija li ma gawdewx l-ispettaklu li kienu qed jittamaw li se jaraw.

Il-paġna ta’ Facebook ta’ The Malta Records qalet li l-ballun ħa fil-kanna, hekk kif ipprova jinkiser ir-rekord dinji ta’ diametru ta’ 135 ċentimetru.

Komplew jinfirxu messaġġi dispreġjattivi fuq il-midja soċjali fil-konfront ta’ dawk li ħadmu l-ballun, li iżda ntfew minn oħrajn li qabżu għall-Kamra tan-Nar tas-Soċjetà Santa Katerina taż-Żurrieq għall-isforzi li għamlet.  Ma naqasx lanqas l-element ta’ pika.

Oriġinarjament dan il-ballun tan-nar kellu jsir bħala parti mill-ispettaklu ta’ Valletta 2018, iżda ma kienx sar minħabba raġunijiet ta’ sigurtà fil-post.