“La kelli l-informazzjoni u lanqas m’għaddejtha lil Yorgen Fenech” – Valletta

Read in English.

L-eks Assistent Kummissarju tal-Pulizija Silvio Valletta qal li hu la kellu informazzjoni dwar ir-raid fuq Yorgen Fenech u lanqas ma għaddielu din l-informazzjoni.

Hu qal dan f’dikjarazzjoni li bagħat lill-kmamar tal-aħbarijiet wara x-xhieda tal-bieraħ tas-sensar tal-assassinju Melvin Theuma. Theuma qal li Keith Schembri u Silvio Valletta kienu jgħaddu l-informazzjoni lil Yorgen Fenech.

Valletta qal li f’rapporti qara kif Theuma qal li hu għadda informazzjoni lil Yorgen Fenech fuq ir-raid li sar fuq Theuma stess. Qal li jekk dan verament intqal fil-Qorti, din hija “gidba faħxija” għax hu ma kienx fil-Pulizija u b’hekk ma setax ikun jaf li se jsir raid fuq Melvin Theuma.

Hu spejga kif kien tneħħa mill-każ fil-15 ta’ Ġunju tal-2018 u telaq mill-Korp tal-Pulizija f’Novembru tal-2018. Hu qal li r-raid kien sar fl-2019 u b’hekk “qatt” ma seta jkun jaf b’din l-informazzjoni. Insista li hu qatt m’għadda informazzjoni li qatt ma seta’ jkun jaf ladarba ma kienx involute fil-każ.

Din mhix l-ewwel darba li Theuma semma lil Silvio Valletta. Fis-smigħ ta’ qabel, Theuma ftakar li darba kien ra lil Silvio Valletta fid-dar ta’ Fenech.