“La jimtela l-kampus ta’ Bormla jinbena taż-Żonqor” – Il-PM dwar l-AUM

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li għandu t-tama li aktar studenti jibdew jattendu l-Università Amerikana ta’ Malta, li bħalissa, kważi sentejn wara li nfetħet, għandha inqas minn 100 student. Dan ingħad waqt l-inawgurazzjoni tal-kampus f’Bormla.

Il-mistednin għaċ-ċerimonja tal-bieraħ kienu madwar 60, bil-preżenza tal-Prim Ministru u l-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo.

Il-Prim Ministru qal li minkejja l-kritika li qalet l-Università għall-bidu, meta Muscat qal li fl-2016 kienet mistennija tibda bi 300 student, issa donnha li bdiet tieħu spinta ‘l quddiem. Huwa qal li sa 4 snin oħra, l-Università jrid ikollha 4,000 student.

L-UE mħassba dwar l-istandards tal-Università Amerikana

Jekk l-Università ma jkollhiex 4,000 student, kollox imur lura għall-Gvern, qal Muscat, kif hemm stipulat fil-kuntratt. Huwa qal li l-kampus li kien ippjanat li jinbena fiż-Żonqor se jinbena xorta, iżda ladarba jimtela l-kampus ta’ Bormla.

Kważi sena ilu, l-AUM kienet ġiet ikkritikata talli keċċiet lil 5 letturi meta dawn għalqilhom il-kuntratt ta’ prova ta’ 6 xhur. Huma fetħu proċedura fil-Qorti kontra l-AUM.

“Tkeċċejna inġustament” – Letturi jiftħu protest kontra l-AUM

Muscat ikkummenta wkoll fuq il-fatt li l-Gvern innomina lil Adrian Hillman bħala r-rappreżentant tiegħu fl-Università, u qal li m’għandu l-ebda problema b’dan il-fatt. Hillman irreżenja mill-pożizzjoni tiegħu ta’ Direttur għall-Allied Newspapers wara li sar magħruf li għandu kumpanija fil-British Virgin Islands, simili għal dawk ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi fil-Panama. Hillman qed jiġi investigat peress li rċieva flus mill-kumpanija ta’ Keith Schembri.