Il-whistleblower tgħid li l-kumpanija Ċiprijotta li akkużatha għandha kuntatti mal-Ażerbajġan

L-eksimpjegata tal-Bank Pilatus u whistleblower Russa fil-każ tal-kumpanija Egrant fil-Panama qalet li l-kumpanija Ċiprijotta li għamlet ir-rapport kontriha mal-Pulizija f’Ċipru, tipprovdi servizzi lil kumpanija mill-Ażerbajġan.
Ilbiraħtlula s-sit Cyprus Business Mail irrapporta li nħareġ mandat t’arrest Ewropew għal Maria Efimova, wara rapport lill-Pulizija minn ħaddiema fil-kumpanija legali Costas Tsirides & Co L.L.C, li jallega li Efimova serqet mill-kumpanija Fragrance Distribution meta kienet direttur tagħha f’Ċipru, erba’ snin ilu.
Fil-blogg ta’ Manuel Delia, fejn hemm ir-rekordjar tal-intervista sħiħa maqsuma f’ħames partijiet, Efimova qed tgħid li wara tiftixa li għamlet sabet li l-ħaddiem li għamel dan ir-rapport jaħdem ma’ kumpanija korporattiva tas-servizzi f’Ċipru, liema kumpanija toffri s-servizzi tagħha lil kumpanija fl-Ażerbajġan.
Madanakollu Efimova ma semmietx l-isem tal-kumpanija Ażerbajġana.
Isem dan il-pajjiż hu sinjifikanti f’dak li Efimova qed tgħid li sabet, għax l-allegazzjonijiet fil-konfront ta’ Michelle Muscat, mart il-Prim Ministru, jinkludu wkoll li sar trasferiment ta’ $1 miljun mingħand Leyla Aliyeva, bint id-dittatur Aliyev tal-Ażerbajġan, għall-kumpanija Egrant.
Hi diġà qalet li ma kinitx is-sors ewlieni li żvela lill-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia informazzjoni dwar it-tielet kumpanija offshore Egrant, liema allegazzjonijiet jgħidu li hija ta’ mart il-Prim Ministru. Il-Prim Ministru kif ukoll martu dejjem ċaħdu dawn l-allegazzjonijiet.
Irrimarkat li Caruana Galizia kienet ikkuntattjata u wrietha kopji ta’ dokumenti li juru li Muscat hi l-benefiċjarja ta’ Egrant, u kulma għamlet Efimova hu li kkonfermatilha li anki hi rat dawk id-dokumenti meta kienet taħdem mal-Bank Pilatus.
Sadanittant, l-eks Direttur Maniġerjali ta’ The Malta Independent, Pierre Portelli ikkonferma ma’ LovinMalta li għandu kopja ta’ dikjarazzjoni ta’ trust waslet għandu minn sors ieħor li mhuwiex Efimova, u li juri li Egrant hi ta’ Michelle Muscat.
Portelli, illum Ċermen Eżekuttiv ta’ Media.Link, qal li għadda din il-kopja lill-Maġistrat Aaron Bugeja li qed imexxi inkjesta dwar il-kumpanija Egrant.
Huwa ma kienx żvela s-sors tiegħu mal-Maġistrat Bugeja iżda kien talab lill-istess sors jgħaddilu kopja tad-dokument, biex jgħaddih lill-Maġistrat.
Enfasizza li s-sors la hi Efimova, la Caruana Galizia u lanqas Jonathan Ferris, eksuffiċjal tal-Aġenzija tal-Gvern kontra l-Ħasil tal-Flus (FIAU), u waqt il-programm Xtra fuq TVM kien qal li dan id-dokument rah b’għajnejh.
Waqt intervista mill-Malta Independent, Efimova kienet qalet li ma ppubblikatx kopja tad-dokumenti li wrietha Caruana Galiza fuq parir tal-Ambaxxata Russa.
Finalment, lura għall-intervista ta’ Efimova ma’ Manuel Delia, din qalet li għamlet talba ta’ ażil politiku fil-pajjiż fejn tinsab bħalissa, u anki tkellmet mal-Kumitat PANA li qed jinvestiga l-iskandlu tal-Panama Papers, li min-naħa tagħhom tawha ittra ta’ rakkomandazzjoni biex tibgħatha lill-gvern tal-pajjiż fejn tinsab.
Temmet tgħid li ma temminx li kull min jinsab fl-investigazzjoni huwa korrott, u li taħseb li l-ġustizzja se ssir.
Ritratt: The Malta Independent