“L-użura, sqaq li diffiċli toħroġ minnu” – Dun John Avellino

Waqt il-programm Follow Up fuq RTK, Dun John Avellino tkellem fuq l-użura u ddeskriviha aktar minn darba bħala “problema kbira għal Malta.”
Fi kliem Dun Avellino, li apparti li jaqdi l-missjoni pastorali tiegħu fil-Birgu, jgħin ukoll fil-Caritas, jeżistu ħafna persuni li mhux qed ilaħħqu mal-ispejjeż tal-ħajja u fid-disprament tal-mument qed jagħżlu li jissellfu l-flus fuq l-idejn.
Mistoqsi xi jwassal persuna biex ma tkunx tista’ tlaħħaq mal-ħajja, apparti kontijiet għolja, bħalma huwa l-prezz tal-kera, semma’ wkoll in-nuqqas ta’ għarfien u edukazzjoni dwar l-immaniġġjar tajjeb tal-flus. Fi kliem Dun Avellino, “dan ukoll huwa faqar.”
"Hawn min ntalab iħallas interessi ta' 100% fil-ġimgħa"
Kompla jispjega li f’kull belt u raħal f’Malta hemm nies magħrufa li jsellfu l-flus fuq l-idejn u li għalkemm fil-bidu jidhru qalbhom tajba u jsellfuk il-flus qiesu xejn mhux xejn, kif jgħaddi ftit taż-żmien jibdew jitolbuk interessi bl-addoċċ.
Semma każijiet fejn persuna saħansitra ntalbet tħallas sa 100% interessi fil-ġimgħa.
“Meta tidħol fl-isqaq tal-użura, diffiċli toħroġ minnu,” saħaq Dun John Avellino.
"Bla ma taf tispiċċa midjun ma' ħafna nies"
Spjega li ħafna persuni ma jibdewx ilaħħqu mad-djun u biex iħallsu lil wieħed jibdew jissellfu mingħand ħaddieħor u mingħajr ma jintebħu jispiċċaw bid-dejn ma għadd ta’ persuni.
Għalkemm hawn min jaħseb li din hija problema ta’ min hu bla edukazzjoni, Dun John Avellino rrakkonta li jaf b’persuni li kellhom negozji kbar u biex isalvaw in-negozju tagħhom spiċċaw waqgħu għall-użura u kissru mhux biss lilhom infushom u n-negozju, imma saħansitra lil familthom.
“Dan huwa fenomenu li qed jolqot ħafna nies,” kompla jgħid.
X'tista tagħmel jekk waqajt vittma tal-użura?
Mistoqsi x’għajnuna toffri li l-Knisja, spjega li l-Caritas, permezz tal-Fondazzjoni Vittmi Użura, toffri għajnuna u pariri li dawn il-persuni.
Iżda saħaq li hemm każijiet fejn il-persuna tant kemm tkun akkumulat dejn, li l-problema tkun diffiċli biex tissolva.
Ġeneralment il-Fondazzjoni tlaqqa’ flimkien lil min għandu d-dejn u lil min sellfu u twassal lil dan tal-aħħar biex jifhem li dak li qed jagħmel mhux ġust u almenu għandu jitlob interessi skont kemm titlob il-liġi. Dun John Avellino spjega li bil-kelma t-tajba, ħafna jirraġunaw.
Semma każ li kellu dan l-aħħar fejn persuna bi dħul baxx spiċċat b’dejn ta’ €100,000.
“Ħabib oqgħod attent għax titkisser int u tkisser lil ħaddieħor,” temm jappella Dun John.