L-użu tal-enerġija nukleari għall-gwerer hu immorali

Effects of an atomic bomb

Il-Papa Franġisku espirma r-rispett kbir tiegħu lejn il-poplu Ġappuniż li tul l-istorja wera kemm għandu fidi u perseveranza biex għeleb il-provi traġiċi li għadda minnhom u reġa’ qam fuq saqajh.

Huwa qal: “Jien impressjonat immens u għandi rispett kbir għall-Ġappun meta naqra l-istorja tal-martri u l-esperjenzi tal-vittmi ta’ Hiroshima u Nagasaki”.

Il-Papa esprima  dawn is-sentimenti meta kien qed ikellem grupp ta’ġurnalisti Ġappuniżi li kienu fil-Vatikan biex jattendu għall-Assemblea Plenarja tad-Dikasteru tal-Komunikazzjoni li fost il-membri tiegħu hemm  ukoll il-Kardinal Thomas Aquinas Maeda, Arċisqof ta’ Osaka, fil-Ġappun.

“Niftakar fil-martri u l-perseveranza tagħhom, perseveranza fil-fidi biex jiddefendu dak li kienu jemmnu fih, jiddefendu l-konvinzjonijiet tagħhom u l-libertà nisranija”, qal il-Papa.

Imbagħad Papa Franġisku rrifletta fuq din li hu sejjaħ: “martirju ieħor, aktar uman: is-sofferenza tal-poplu mill-bomba atomika”.

Il-Papa qal li jammira lil dawn in-nies għax kienu kapaċi li jqumu mill-ġdid “wara dik il-prova infernali”.

“Intom poplu li kapaċi tqumu mill-ġdid, poplu li dejjem iħares ‘l quddiem”, qal il-Papa lil dawn il-ġurnalisti.

U l-aħħar riflessjoni tal-Papa kienet li ddeskriva it-tfiegħ tal-bombi nukleari bħala “mostrużi”.

“Issa rrid nirriafferma verità: l-użu tal-enerġija atomika għall-gwerer, hu immorali”, sostna l-Papa Franġisku.

 Il-Papa se jżur il-Ġappun bejn it-23 u s-26 ta’ Novembru li ġej.