Aġġornata: Aktar tifħir għall-Arċisqof Scicluna mill-midja fiċ-Ċilì

Aktar kliem ta' tifħir mill-midja fiċ-Ċilì dwar l-Arċisqof Charles Scicluna, hekk kif issa l-gazzetta La Tercera, ippubblikat intervista ma' eksmembru tal-Kummissjoni għall-Protezzjoni tal-Minuri fil-pajjiż, Marie Collins.
Skont Collins, l-Arċisqof Scicluna kellu jintbagħat żmien ilu biex jinvestiga l-allegazzjonijiet ta' abbuż sesswali. 
Intant, fuq is-sit Elmostrador, l-Arċisqof ġie destritt bħala “l-uragan Scicluna” hekk kif issa jinsab fosthom sabiex ikompli jisma’ l-istejjer dwar l-Isqof ta' Osorno, Juan de la Cruz Barros Madrid, li qed jiġi allegat li kien xhud ta’ abbużi sesswali.
Fi blogg German Silva Cuadra, isejjaħ lill-Arċisqof Scicluna bħala l-akbar espert dwar reati sesswali fil-Knisja Kattolika u li jibqa’ l-aktar magħruf bħala dak li mexxa l-investigazzjoni dwar l-abbużi ta’ Macial Marciel, mexxej tal-Leġjonarji – grupp ta’ kattoliċi mill-aktar influwenti fiċ-Ċilì.
Isemmi wkoll l-ewwel laqgħa li kellu l-Arċisqof fi New York, fejn iltaqa’ mal-ewwel vittma tal-abbużi, Juan Carloz Cruz. Spikka l-kliem ta’ tifħir mill-midja, dwar li poġġa biex jisma’ lil da nil-vittma għal erba’ sigħat sħaħ.
L-Arċisqof, ħalla Malta fil-15 ta’ Frar u fil-jiem li ġejjin mistenni jkompli jiltaqa’ ma’ bosta oħrajn li jixtiequ jaqsmu l-istorja tagħhom.
Imbagħad, skont l-istess blogg, fis-26 ta’ Frar se jkun qed jiltaqa’ mal-Papa Franġisku sabiex jippreżenta r-rapport li jkun ħareġ wara li jkun sema’ l-istejjer kollha.
Fl-istess blogg, iż-żjara tal-Papa fiċ-Ċilì ġiet deskritta bħala waħda mill-agħar li kellu fil-Pontifikat tiegħu.
Dan minħabba, li wara li Franġisku enfasizza li qatt ma kien infurmat dwar xejn mill-vittmi, Juan Carlos Cruz allega li l-Papa rċieva l-ittra tiegħu fl-2015 u ma ħax azzjoni.
Il-blogg jistaqsi għaliex il-Papa bidel fehmtu meta ħa pożizzjoni tant iebsa u x’kienu l-fatturi ġodda li wassluh jagħmel din il-bidla radikali.
Il-preżenza ta’ Barros tul iż-żjara Papali kienet ukoll meqjusa bħala provokazzjoni, u n-nuqqas ta’ importanza li ż-żjara papali tat lill-vittmi ta’ abbuż ma għenitx.